Tixtieq titgħallem kif tikkritika l-letteratura?

Il-Ħamis, l-1 ta' Marzu 2018, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta' Malta, Tal-Qroqq, Dr Mario Aquilina se jagħmel taħdita pubblika fuq "Ir-Riċensjoni Letterarja: Storja, Forma u Funzjoni." Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd u d-dħul għaliha huwa b'xejn.
Din l-ewwel taħdita minn sensiela ġdida organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Fakultà tal-Arti u msejħa It-Taħditiet tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, se tiffoka fuq ir-riċensjoni letterarja, jiġifieri fuq dik il-kitba li tintuża biex tingħata evalwazzjoni kritika ta’ xi ktieb jew dramm. 
Fl-ewwel parti ta' din it-taħdita, Dr Aquilina se jippreżenta wħud mill-ideat ewlenin dwar din il-forma ta' kitba kritika. It-tieni parti se tkun forma ta’ workshop bil-parteċipazzjoni kontinwa ta’ dawk li se jattendu, fosthom l-istudenti li bħalissa qegħdin jagħmlu d-Diploma fil-Letteratura Maltija.
Dr Mario Aquilina se jitkellem fil-qosor fuq l-istorja tar-riċensjoni u l-modi differenti ta’ kif ir-riċensjoni ġiet ippubblikata matul iż-żmien, speċjalment fil-kuntest tal-letteratura Ingliża. Se jittratta wkoll is-suġġett tal-effett tal-mezzi tax-xandir moderni fuq ir-riċensjoni kontemporanja, speċjalment mill-perspettiva ta’ kif l-internet joħloq diffikultajiet u opportunitajiet ġodda għall-kitba u l-qari tar-riċensjoni.
Fit-tieni parti tas-sessjoni, id-diskussjoni se tiffoka fuq il-forom u l-funzjonjiet tar-riċensjoni. L-eżempji magħzula se jintużaw biex jiġu studjati sew l-istruttura, l-istili u l-iskopijiet tar-riċensjoni u biex jintwerew il-livelli differenti ta’ ħsieb li r-riċensjoni tirrikjedi.