Tixtieq tiltaqa’ mar-residenti tal-YMCA?

Numru ta’ residenti fi ħdan il-YMCA Homeless u voluntiera se jkunu qed ikellmu lill-pubbliku fuq il-vapuri tal-Gozo Channel fi tmiem din il-ġimgħa.

Fi stqarrija, il-YMCA qal li se jkun qed jorganizza l-avveniment bejn l-21 u t-23 ta’ Settembru fuq il-vapuri tal-Gozo Channel bl-għan li jippromwovu s-servizzi tal-YMCA u biex jinġabru l-fondi għall-għaqda. Ma’ Newsbook.com.mt Julian Holland, li huwa l-Uffiċjal għall-Avvenimenti tal-YMCA Valletta, spjega li jaħdmu ħafna fl-oqsma tas-sessjonijiet psikosoċjali u anke biex jagħtu leħen liż-żagħżagħ.

L-attività jisimha Sailing due to Homelessness u l-flus li se jinġabru se jgħinu fit-tmexxija ta’ Dar Niki Cassar. Holland qal li d-dar jkollha 30 resident kuljum. Wieħed jista’ jagħti wkoll donazzjoni ta’ €4.66 billi jibgħat SMS fuq 50618088.