Tixtieq tikteb jew tpinġi għas-Sagħtar?

Ir-rivista Sagħtar kulħadd jiftakarha. Sa mill-bidu tagħha fl-1971, kienet għal qalb l-istudenti minħabba l-kitbiet u l-materjal varju li kien ikun fiha. L-unjin tal-għalliema, MUT, se terġa’ tibda toħroġ din ir-rivista u qed tfittex lil min hu lest jagħti l-kontribut kreattiv tiegħu.

L-aħħar ħarġa tas-Sagħtar kienet f’Diċembru tal-2015. Ir-rivista taf il-bidu tagħha lill-Moviment Qawmien Letterarju, li beda joħroġha fl-1971, b’kittieba prominenti bħal Victor Fenech u Oliver Friggieri fil-Bord Editorjali tagħha. Fenech baqa’ Editur tar-rivista sal-2008. Fl-1976, l-MUT ħadet is-Sagħtar taħt idejha. Din ir-rivista damet toħroġ għal 44 sena.

Huwa maħsub li r-rivista terġa’ tibda tiġi ppubblikata mis-sena skolastika li jmiss, 2020-2021. Għalhekk, il-Malta Union of Teachers qiegħda tilqa’ applikazzjonijiet mingħand entitajiet, kittieba, edukaturi u kull min hu interessat li jikkontribwixxi. Ir-rivista għandha tibda toħroġ kull xahar minn Ottubru tal-2020 sa Mejju tas-sena ta’ wara. Se tinkludi materjal kemm f’forma stampata, kif ukoll f’forma diġitali. Se titqassam lill-istudenti fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji.

L-MUT qalet li l-kontribuzzjonijiet jistgħu jkunu ta’ diversi forom, fosthom kitbiet, illustrazzjonijiet, materjal awdjoviżiv, xogħol ta’ riċerka u informazzjoni, materjal rikreattiv u iktar. Dawk interessati huma mħeġġa jinkitbu billi jimlew il-formola li tinsab hawn.