Tixtieq tibda tagħmel l-inbid?

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun flimkien mal-Għaqda Għassara tal-Inbid se jkunu qed jorganizzaw kors dwar kif tagħmel l-inbid.
Għalkemm kulħadd jaf kif jixrob l-inbid, u xi darba jew oħra sema’ kif dan isir, mhux kulħadd jaf jagħmlu.
Waqt dan il-kors mifrux fuq tlitt ijiem, se jiġi mgħallem minn nies tas-sengħa war l-apparat u l-ingredjenti li għandek bżonn biex tagħmel l-inbid.
Barra minn hekk wieħed jitgħallem kif jagħraf għeneb tajjeb għat-tagħsir, kif ukoll it-tip ta’ ħmira li għandha tintgħażel. Hawnhekk issir distinzjoni bejn il-ħmira naturali ma’ dik tal-pakkett.
Se jiġu spjegati stadju stadju kif isir l-inbid, it-tagħsir tal-għeneb, għaliex l-inbid ma jibqax ibaqbaq, u għaliex tagħmel it-taqlib, bl-Ingliż racking.
Tingħata informazzjoni wkoll fuq x’tagħmel bl-inbid ladarba jsir, fosthom l-importanza tal-indafa, l-użu tal-idrometru, kif taħżen l-inbid, kif jimmatura u kif jiġi bbottiljat.
Il-kors hu miftuħ għal kulħadd u huwa miftuħ ukoll għal dawk li qatt m'għamlu inbid u jixtiequ jkunu jafu l-proċess kif isir.
Il-laqgħat isiru t-Tnejn 10, 17, u 24 ta' Lulju, bejn is-6pm u s-7.30pm fis-Sala tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun fi Triq Sant' Anġlu.
Biex tirreġistra għal dan il-kors ċempel fuq 2166 3866 jew ibgħat imejl lil chircop.sean@gmail.com sa mhux aktar tard minn nhar is-Sibt, 8 ta' Lulju.