Tixtieq tħossok aktar kunfidenti tikteb bil-Malti?

Nhar il-Ġimgħa li ġej se jagħlqu l-applikazzjonijiet għall-kors universitarju ta’ sena fil-Qari tal-Provi bil-Malti, offrut mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Dan il-kors hu twil sena u hu popolari ħafna ma’ dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom bħalma huma t-tradutturi, l-impjegati tal-kunsilli lokali u l-parroċċi, il-ħaddiema tas-servizz pubbliku u l-kumpaniji privati, kif ukoll ix-xandara u l-ġurnalisti tal-gazzetti, l-internet u t-televiżjoni.
Il-kors, ta’ Livell 5 (MQF) se jiftaħ ix-xahar id-dieħel f’Malta, kif ukoll fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija, jekk jintlaħaq l-għadd minimu ta’ applikanti Għawdxin.
Grupp ta’ 40 student dan l-aħħar kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien uffiċjali bħala qarrejja tal-provi tal-Malti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, wara li temmew b’suċċess dan il-kors universitarju.
B’kollox, mill-2006 meta fetaħ il-kors, ikkwalifikaw 350 qarrej tal-provi.
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-15 ta’ Jannar mis-sit tal-Università.
Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u qabel tapplika idħol hawn.