Tixtieq issir referee tal-volleyball?

L-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Volleyball (M.V.R.A.) qed tagħti l-opportunità lil dawk li jixtiequ jibdew karriera bħala referees tal-volleyball.
L-għan ewlieni tal-M.V.R.A. huwa biex tħarreg lil dawn il-persuni kif ukoll lir-referees stabbiliti sabiex il-livell tekniku tar-referees Malti dejjem ikun aħjar, kif ukoll biex tgħallem u tħarreġ lill-uffiċjali tekniċi oħra, bħal score keepers u line judges.
L-Assoċjazzjoni ġiet imwaqqfa fil-bidu tal-istaġun 2015-2016 miż-żewġ referees internazzjonali tal-volleyball Frankie Tanti u Nello Calleja sabiex tieħu post il-Kummissjoni tar-Referees fi ħdan il-Malta Volleyball Association. 
Fl-aħħar sentejn, bl-għajnuna ta’ Cinzia Fenech u Dalton Caruana, żewg referees oħra lokali, l-M.V.R.A. kompliet tissaħħaħ sew u llum għandha grupp ta’ referees stabbiliti kif ukoll oħrajn ġodda li jaqdu l-ħtiġijiet tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Volleyball Association kif ukoll kompetizzjonijiet oħra.
Fil-bidu ta’ dan l-istaġun 2017-2018, ħames referees ġodda bdew jirrefjaw logħbiet kompetittivi.  Dawn huma Andrew Tkachenko, Hellie Honney, Melanie Muscat, Nicole Vassallo u Andrea Fassone, b’dan tal-aħħar jerga’ jibda’ jirreffja wara numru ta’ snin b’esperjenza f’kompetizzjonijiet fl-Italja.  Minbarra dan, ħames referees oħra ġew promossi għal-livell intermedju wara kors li sar f’Ottubru li għadda, b’dawn ta’ l-aħħar ikunu Dalton Caruana, Goffredo Guazzoni, Alex Spiteri, Darina Ilieva u Andrea Fassone.
Matul dawn l-aħħar xhur saret aktar enfażi fuq it-taħriġ tar-referees li għadhom kemm ġew promossi għal-livell Avvanzat – Darren Bugeja, Cinzia Fenech, Luca Randazzo u Alex Spiteri.  L-ewwel attività għalihom kien workshop immexxi minn Frankie Tanti fejn fih ġew analizzati kemm il-protokolli kif ukoll ir-regoli tal-logħba tal-volleyball kemm fl-isfera lokali kif ukoll dik internazzjonali.  Il-proċess ikompli billi b’mod regolari dawn ir-referees, flimkien ma’ Mark Soler, referee ieħor fil-livell avvanzat, jiġu assessjati waqt il-logħob tagħhom bil-ħsieb li dejjem jitjieb il-livell tagħhom.
Kull min hu interessat li jibda’ l-karriera ta’ referee tal-volleyball jista’ jikkuntattja lill-MVRA fuq maltavolleyballreferees@gmail.com.