Tixhed il-whistleblower Russa: “Ikkonfermati d-dubji dwar Pilatus” – Giegold

Il-Membru Parlamentari Ewropew għall-Grupp tal-Ħodor Sven Giegold qal li llejla ġew ikkonfermati d-dubji li kellha d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta, dwar il-Bank Pilatus.
Wara diskussjoni ta’ siegħa ma’ Maria Efimova, il-whistleblower tal-kumpanija Egrant fil-Panama u eksimpjegata tal-Bank Pilatus, Giegold qal ma’ Newsbook.com.mt li kkonfermaw id-dubji li kellhom dwar il-mudell ta’ negozju tal-Bank Pilatus.
Giegold iddeskriva l-intervista ma’ Efimova bħala waħda “interessanti ferm”.
Iċ-Ċerpersin tal-Kumitat Ana Gomes, li tagħmel parti mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) esprimiet ħsieb simili fuq Twitter. Hi qalet li l-intervista li d-delegazzjoni  tal-Kumitati PANA u LIBE għamlu mal-whistleblower kienet interessanti. Iddeskriviet il-Bank Pilatus bħala magna tal-ħasil ta’ flus tal-Ażerbajġan u n-NexiaBT f’Malta.

Sadanittant, fuq is-sit tiegħu, il-blogger Manuel Delia qal li Maria Efimova għaddiet numru ta’ dokumenti li kellha lill-Membri Parlamentari Ewropej.
Intqal li dawn id-dokumenti intbagħtu qabel il-laqgħa sabiex il-membri tal-kumitat jkollhom biżejjed ħin biex jistudjaw l-evidenza. Skont Efimova, dawn id-dokumenti kienu ta’ għajnuna għad-delegazzjoni biex din tkompli tifforma stampa ċara tas-sitwazzjoni.
Efimova saħqet li hija għandha ċerifikat bħala uffiċjal kontra l-ħasil tal-flus. Spjegat li għandha wkoll l-kwalifiċi neċessarji biex tipprovdi dettalji tekniċi dwar l-allegat ksur tal-liġi tal-Bank Pilatus.
Waqt il-laqgħa tal-lum, Efimova fakkret kif diġà kienet tat ix-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja waqt l-inkjesta li qed jagħmel dwar il-kumpanija Egrant. Il-Maġistrat kien ta struzzjonijiet biex Efimova ma tiżvelax id-dettalji li kienet qalet fil-Qorti ‘l barra mill-awla. Fl-intervista mal-blogger, Efimova qalet li segwiet dawn l-istruzzjonijiet anke llejla waqt ix-xhieda tagħha quddiem l-MPEs.
Ma’ Manuel Delia, il-whistleblower qalet li temmen li l-Maġistrat qed jaħdem biex jiskopri l-verità.
Maria Efimova, omm ta’ żewġt itfal, kienet dik li għaddiet l-informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia dwar kontijiet sigrieti f’isem mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, li fihom allegatament ġew trasferiti €1 miljun mit-tmexxija tal-Ażerbajġan. Is-Sinjura Muscat dejjem ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet.
Efimova ħarbet minn Malta wara li qalet li kienet qed tibża’ għal ħajjitha.
F'Novembru fil-Qorti nstema’ li nħareġ mandat Ewropew u Internazzjonali għall-arrest ta' Efimova, għax ma dehritx għas-seduti tal-Qorti.