“Dejjem isawwatha, anke meta kienet tqila taha daqqa ta’ sieq” – omm il-vittma

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest

Read in English.

Illum xehdu fil-qorti membri tal-familja ta’ Chantelle Chetcuti, li nqatlet fi Frar li għadda b’daqqiet ta’ sikkina f’Ħaż-Żabbar.

Is-sieħeb tagħha Justin Borg huwa akkużat bil-qtil tagħha, u fis-seduta ġiet miċħuda t-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Xi spikka mix-xhieda ta’ ħu Chantelle Chetcuti?

  • “Chantelle qatt ma riedet tkun miegħu”
  • “Qatt ma ried jaċċetta li ma kinux għadhom flimkien”
  • Meta ħu Chantelle Chetcuti ġieli qalilha biex tirranġa mal-akkużat, qaltlu “Ġieli tefagħni l-isptar”

Xi spikka mix-xhieda ta’ omm Chantelle Chetcuti?

  • Meta kienu żgħar, Justin kien jgħid lil Chantelle, “Għad tkun l-għarusa tiegħi”
  • L-akkużat qal lil omm il-vittma li kien ħariġha tqila apposta biex tkun miegħu
  • “Dejjem kien isawwatha, anke meta kienet tqila taha daqqa ta’ sieq” – omm il-vittma
  • Omm Chantelle Chetcuti tgħid li l-akkużat hedded anke lilha li se joqtol lil bintha
  • “Jien biss naf għal xiex jasal dak” – Chantelle Chetcuti lil ommha
  • L-aħħar 3 ijiem qabel inqatlet, Justin Borg kien jistenna lil Chantelle Chetcuti wara l-bieb; kien jheddidha li jekk ma tmurx lura għand ommha joqtolha.
10:26 Is-seduta li jmiss se ssir fil-11 ta' Settembru fl-10am.
Sephora Francalanza
10:25 Il-Qorti tifhem li ma kien hemm xejn xi jżomm lill-Prosekuzzjoni milli tressaq ix-xhieda pajżana biex jixhdu, iżda fl-istess waqt, il-Qorti tiċħad it-talba tal-ħelsien mill-arrest.
Sephora Francalanza
10:24 Il-Prosekuzzjoni fadlilha żewġ xhieda pajżana xi tressaq.
Sephora Francalanza
10:22 Ix-xhud li ma deherx illum huwa ħabib tal-akkużat, li l-akkużat kien jitkellem miegħu fuq ir-relazzjoni tal-koppja.
Sephora Francalanza
10:20 Dr Debono jargumenta li fuq medda ta' 6 xhur, ma jippretendix li l-Prosekuzzjoni ma tressaqx ix-xhieda meħtieġa fil-każ.
Sephora Francalanza
10:19 Bint il-vittma u l-akkużat tixtieq tixhed bil-videoconferencing. Il-Prosekuzzjoni tfakkar li l-akkużat jgħix fl-istess akkwati tal-familja, u għalhekk, ma jkunx xieraq jew sigur li jinħeles.
Sephora Francalanza
10:17 Huwa jikkwota mill-każ tal-qtil ta' Lassana Cisse, fejn Lorin Scicluna u Francesco Fenech inħelsu mill-arrest, sabiex jitlob li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Sephora Francalanza
10:14 L-Avukat Difensur Dr Franco Debono jgħid li x-xhieda prinċipali xehdu.
Sephora Francalanza
10:09 Jidher li x-xhud Dylan Meilak ma ġiex, u l-Qorti se timmultah €100.
Sephora Francalanza
10:09 Imiss issa l-aħħar xhud tas-seduta tal-lum.
Sephora Francalanza
10:08 Ix-xhieda ta' omm il-vittma tintemm hawn. Il-kontro-eżami huwa riservat.
Sephora Francalanza
10:07 Xi t-8/9 ta' filgħaxija ċempel it-telefown u lil omm il-vittma talbuha biex tmur l-għassa.
Sephora Francalanza
10:07 Ħarġet mid-dar xi l-4/5 ta' waranofsinhar, u qalet li mhix se ddum għax riedet tara programm fuq it-televixin.
Sephora Francalanza
10:06 Dakinhar tal-qtil, Chantelle kienet sejra hike mal-kuġini, imma biddlet fehmitha u ddeċidiet li tmur tilgħab il-billiard ma' ħabib.
Sephora Francalanza
10:05 Ix-xhud tgħid li l-ewwel kien iżiegħel bil-vittma, u mbagħad kien jeqlibhielha.
Sephora Francalanza
10:04 Omm il-vittma tgħid li hi ma qalet lil ħadd b'li kien jheddidha. Bintha kienet tgħidilha, "Tikxef xejn għax jasal."
Sephora Francalanza
10:04 Lil ommha kien jgħidilha, "Noqtolha, jien ma jista' ħadd għalija," tgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
10:03 Kien jorqod barra fil-karozza quddiem id-dar tal-familja Chetcuti.
Sephora Francalanza
10:03 Kien jheddidha li jekk ma tmurx lura d-dar għand ommha, joqtolha. Anke lil omm il-vittma kien jgħidilha hekk.
Sephora Francalanza
10:01 L-aħħar 3 ijiem qabel il-qtil, Justin kien jiġri wara Chantelle kull fejn tmur. Chantelle kienet qiegħda toqgħod għand ommha, u hu kien joqgħod jistennieha wara l-bieb.
Sephora Francalanza
10:00 Ix-xhud tippreżenta lill-Qorti bi 3 ritratti tal-ġrieħi li kellha l-vittma.
Sephora Francalanza
09:59 Darb'oħra l-akkużat taha daqqa ta' ponn ġo wiċċha lill-vittma. Ħadha l-poliklinika u qalilha biex tgħid li waqgħet it-taraġ. Dan kien madwar 7/8 snin ilu.
Sephora Francalanza
09:58 Omm il-vittma tgħid li darba minnhom, Chantelle kienet fis-sodda, u Justin taha daqqa ġo daharha u waqqagħha fl-art. L-għada qalilha, "Mela inti weġġajt veru?"
Sephora Francalanza
09:57 Chantelle kienet imbikkma u talbet lil ommha biex twaqqa' l-kawża, għax qaltilha, "Jien biss naf għal xiex jasal dak."
Sephora Francalanza
09:55 Darba, fis-sena ta' qabel il-qtil, spiċċaw il-qorti l-familja ta' Chantelle u Justin, u skont omm il-vittma, l-akkużat heddidha biex twaqqa' l-kawża, għax inkella "lit-tfal ma tarahomx iktar."
Sephora Francalanza
09:54 Meta l-koppja kienet tgħix flimkien, l-akkużat allegatament kien jagħmel iljieli barra u filgħodu jmur id-dar fis-sakra.
Sephora Francalanza
09:53 Darba minnhom, madwar sena ilu, Chantelle għamlet tlett ijiem liebsa xalla. Ommha skopriet li għax Justin kien qabadha minn għonqha.
Sephora Francalanza
09:52 Mistoqsija jekk qattx ratu jsawwat lil Chantelle quddiemha, omm il-vittma tgħid, "Le, tiċċajta!"
Sephora Francalanza
09:52 Dak iż-żmien, omm il-vittma kienet iċċempel lil omm l-akkużat, u din kienet tagħmel għalih.
Sephora Francalanza
09:51 Meta Chantelle kellha seba' xhur tqala, huwa kien taha daqqa ta' sieq, tgħid omm il-vittma.
Sephora Francalanza
09:51 Omm Chantelle tgħid li darba saħansitra heżżiżha lilha, qalilha "Tindaħalx, ma jista' ħadd għalija jien għax jien il-pulizija kollha nafhom."
Sephora Francalanza
09:50 L-akkużat, b'rasu baxxuta, jibda jxengel rasu għal dak li qed tgħid l-eks kunjata tiegħu dwaru.
Sephora Francalanza
09:50 Omm il-vittma tgħid li l-akkużat kien jheddidha, jgħidilha, "Agħmel li ngħidlek jien għax lit-tifla ma tarahiex iżjed."
Sephora Francalanza
09:49 Tissokta tgħid li hu dejjem kien jagħmel ix-xenati u l-istorbju. "Dejjem isawwatha," tgħid imbikkma x-xhud.
Sephora Francalanza
09:49 "Lanqas irrid insejjaħlu b'ismu, għax għalija dak monstru," tgħid ix-xhud.
Sephora Francalanza
09:48 Damu jgħixu flimkien madwar erba' snin biss, il-bqija Chantelle kienet toqgħod m'ommha.
Sephora Francalanza
09:48 Ix-xhud tgħid li baqa' jiġri wara Chantelle sakemm irranġaw.
Sephora Francalanza
09:47 Dak iż-żmien Chantelle kienet tkellem lil ġuvni ieħor, u x-xhud tgħid li l-akkużat ħariġha tqila apposta. L-akkużat jidher jaqleb għajnejh.
Sephora Francalanza
09:47 Omm il-vittma tgħid li hu kien mar jifraħ għandha, jgħidilha, "Jien ħabbiltha apposta lit-tifla."
Sephora Francalanza
09:47 Meta Chantelle kellha madwar 17-il sena, ħarġet tqila bit-tarbija ta' Justin, l-akkużat.
Sephora Francalanza
09:46 Kien imur għandhom, u dejjem kien miġbud lejn Chantelle Chetcuti. Kien jgħidilha, "Għad tkun l-għarusa tiegħi."
Sephora Francalanza
09:44 Ix-xhud tgħid li ilha taf lill-akkużat minn meta kellu xi 14-il sena, peress li kien jilgħab ma' binha Kersten, li għadu kemm xehed.
Sephora Francalanza
09:44 Għadha kemm daħlet omm il-vittma, Miriam Chetcuti, ġo siġġu tar-roti.
Sephora Francalanza
09:44 Is-seduta se tkompli.
Sephora Francalanza
09:36 Is-seduta ġiet sospiża għal ftit ħin.
Sephora Francalanza
09:35 Ix-xhieda ta' Kersten Chetcuti tintemm hawn, u l-kontro-eżami ġie riservat.
Sephora Francalanza
09:35 Iżda oħtu Chantelle qaltlu, "Ġieli tefagħni l-isptar."
Sephora Francalanza
09:34 Madankollu, fl-aħħar żmien qabel inqatlet, Kersten Chetcuti, ħu l-vittma, xtaqhom jirranġaw ta' bejniethom Justin u Chantelle biex ikunu familja.
Sephora Francalanza
09:34 Jgħid li Chantelle ma tantx kienet titkellem fuq ir-relazzjoni mal-familja.
Sephora Francalanza
09:33 Ix-xhud jgħid li jaf l-aktar dwar ir-relazzjoni bejn Chantelle u Justin meta kienu joqogħdu mal-ġenituri ta' Chantelle. Dwar meta kienu joqogħdu f'dar għalihom ma tantx jaf.
Sephora Francalanza
09:31 "Għamlet żmien tipprova miegħu, imma baqgħet ma tistax tkun kuntenta miegħu."
Sephora Francalanza
09:31 Ħu l-vittma kien jgħid lill-akkużat biex jaqta' qalbu mir-relazzjoni ta' bejniethom.
Sephora Francalanza
09:30 "Kien ikun qed jippersegwitaha, mhux għax jaraha."
Sephora Francalanza
09:30 Kien iċempillu kemm-il darba biex jgħidlu fejn raha, ġieli erba' darbiet f'ġurnata kien jaraha.
Sephora Francalanza
09:29 Dakinhar li seħħ il-qtil. Justin ċempel lil ħu l-vittma, jgħidlu, "Taf lil min edjat fuq Facebook?" Hu qatagħlu. Dakinhar ix-xhud ma kienx jinteressah għal min kien qed jirreferi l-akkużat.
Sephora Francalanza
09:28 "Qatt m'aċċetta li mhumiex qegħdin flimkien." Kienu jgħidulu li r-relazzjoni tagħhom intemmet, iżda l-akkużat baqa' ma jridx jaċċettaha.
Sephora Francalanza
09:28 Ċempel javża lil Chantelle li Justin se jmur jaraha.
Sephora Francalanza
09:27 F'daqqa waħda, Justin beda jgħidilhom li jrid imur ħdejn Chantelle. "Ma żżommux hux, xbajna," u ħallewh imur bil-karozza.
Sephora Francalanza
09:27 Hu beda jgħidilhom li miftiehem ma' Chantelle dakinhar, iżda dan ma kienx minnu.
Sephora Francalanza
09:27 Lil Justin Borg ħaduh dawra biex iderri ftit.
Sephora Francalanza
09:26 Hu jgħid li lil Chantelle qalilha biex titlaq għax "jekk jiġri xi ħaġa, ma ridthiex tkun fin-nofs."
Sephora Francalanza
09:25 Ħu Chetcuti jgħid li faqa' l-ganġetta u daħal fid-dar fejn kien hemm Justin Borg. Kien xorob ħafna, kellu l-pirmli li kien jorqod bihom ħdejh, u kellu sikkina ħdejh ukoll.
Sephora Francalanza
09:25 Ġimgħa qabel il-każ, Justin Borg ħalla l-karozza miftuħa quddiem id-dar tal-familja Chetcuti għal lejl sħiħ.
Sephora Francalanza
09:24 Ix-xhud jgħid li ma jiftakarx eżatt meta kien dan, imma ilu ftit snin.
Sephora Francalanza
09:23 Ħu Chantelle Chetcuti jgħid li kellhom relazzjoni normali, imma meta l-akkużat kien joqgħod id-dar magħhom, kien ikun hemm xi tkissir. Darba minnhom marret ommu d-dar biex tikkalmah lil Justin Borg.
Sephora Francalanza
09:23 Eventwalment ħarġu flimkien u kellhom żewġt itfal flimkien.
Sephora Francalanza
09:23 Minn meta kienu żgħar, jgħid ix-xhud, l-akkużat dejjem jiġri wara Chantelle Chetcuti. Kien imur fejn tmur hi mbikkem.
Sephora Francalanza
09:22 Ix-xhud jgħid li Chantelle Chetcuti qatt ma riedet tkun mal-akkużat Justin Borg. L-akkużat jitbissem xħin ix-xhud jgħid hekk, u jħares lejh biċ-ċiera.
Sephora Francalanza
09:20 Ix-xhud jgħid li lill-akkużat ilu jafu minn meta kienu tfal, qabel ma kien ma' oħtu.
Sephora Francalanza
09:19 L-ewwel xhud tal-lum se jkun ħu l-vittma.
Sephora Francalanza
09:18 Fl-awla bħalissa qegħdin jiġu diskussi l-arranġamenti meħtieġa biex tixhed omm Chantelle Chetcuti billi din tinsab f'siġġu tar-roti.
Sephora Francalanza
09:18 Illum se jixhdu omm il-vittma, Miriam Chetcuti, ħu l-vittma Kersten Chetcuti u Dylan Meilak.
Sephora Francalanza
09:16 Il-Prosekuzzjoni tgħid li llum se jkun hawn 3 xhieda, fosthom omm il-vittma.
Sephora Francalanza
09:15 L-akkużat Justin Borg jinsab preżenti, bilqiegħda wara l-avukati tiegħu Dr Franco Debono u Dr Marion Camilleri.
Sephora Francalanza
09:15 Il-Maġistrat Rachel Montebello għadha kemm daħlet fl-awla. Kulħadd preżenti biex nibdew.
Sephora Francalanza
09:15 L-għodwa t-tajba minn awla 22.
Sephora Francalanza

Fl-aħħar seduta, l-Avukat Difensur Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużat. L-Avukata Stephanie Caruana qed tirrappreżenta l-parte civile.

Il-Qorti hija ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.