Tivvinta li kienu se jisirqulha t-tarbija; mhux ħatja

Mara ta’ 29 sena tressqet il-Qorti akkużata li vvintat ġrajja dwar kif xi ħadd pprova jisirqilha l-pushchair bit-tarbija tagħha. Għaldaqstant il-Qorti ħelsitha mill-akkużi.
Il-mara mwielda r-Rumanija iżda tgħix Birżebbugia, kienet akkużata li vvintat storja sabiex tintuża kontra persuni oħra, bl-intenzjoni li takkużhom b’att kriminali li ma wettqux. Hi kienet qed tiġi akkużata wkoll li xerrdet informazzjoni falza li setat ikkawżat allarm pubbliku, u li użat il-midja soċjali sabiex timmalafama persuni oħra.
Fit-22 ta’ Novembru, il-mara għamlet rapport lill-Pulizija fejn qalet li żewġ persuni mhux magħrufa ppruvaw jisirqulha l-pushchair bit-tarbija tagħha. Hi qalet li dan seħħ meta kienet qed tixtri pakkett sigaretti u għal ftit minuti aljenat rasha mit-tarbija. Ir-rapport kompla jgħid li meta daret rat raġel u mara jiġru bil-pushchair tagħha u raġel ieħor ta’ nazzjonalità barranija segwihom. Malli ż-żewġ persuni raw lill-barrani jiġri warajhom, abbandunaw il-pushchair u ħarbu minn fuq il-post.
Għaldaqstant, meta l-Pulizija raw il-filmat tas-CCTV tal-ħanut minn fejn kienet qed tixtri l-mara, sabu li l-istorja kienet finta.
Wara li l-Pulizija tkellmu mal-mara, hi ffirmat dikjarazzjoni li fiha ammetiet li ħadd ma kien prova jisirqilha lit-tarbija. Spjegat li ma kellha l-ebda intenzjoni li tbeżża lin-nies u stqarret li għamlet dak li għamlet għax kienet għadha trawmatizzata minħabba problemi kbar li kellha ma’ missier it-tarbija.
Il-Qorti sabet li l-akkużi kontra l-mara ma kienux b’saħħithom biżżejjed sabiex tinstab ħatja.