Titwaqqaf Kummissjoni għall-Ħatra ta’ Avukat tal-Istat

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħabbar li waqqaf Kummissjoni għall-Ħatra ta’ Avukat tal-Istat ġdid, skont l-Art. 3 tal-Kapitlu 603 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Dan il-proċess, deskritt fi stqarrija tal-Gvern bħala “wieħed mill-aktar trasparenti,” se jitmexxa mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri. Id-deċiżjoni finali se tkun f’idejn il-Prim Ministru.

Permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kummissjoni għall-Ħatra għadha kemm ippubblikat sejħa għall-post vakanti ta’ Avukat tal-Istat fil-Gazzetta tal-Gvern.

Dan il-proċess se jseħħ għat-tieni darba wara s-separazzjoni li seħħet fl-2019 fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali billi nħoloq Uffiċċju ġdid tal-Avukat tal-Istat. L-ewwel Avukat tal-Istat kienet Dr Victoria Buttigieg, li issa nħatret bħala Avukat Ġenerali wara r-riżenja ta’ Dr Peter Grech.

L-irwol tal-Avukat tal-Istat kien inħoloq sabiex l-irwoli tal-Avukat Ġenerali jinqasmu fi tnejn, skont rakkomandazzjonijiet minn grupp ta’ esperti mill-Kunsill tal-Ewropa. Il-liġi sseparat l-irwol tal-prosekutur pubbliku u dak tal-konsulent legali tal-Gvern f’żewġ uffiċċji differenti.

L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sat-22 ta’ Settembru fis-1pm.