Titwaqqaf għaqda ġdida għall-ħarsien tal-annimali

Twaqqfet għaqda ġdida, Animal Guardians Malta, li tirrappreżenta lil Malta fi ħdan l-għaqda Ewropea Eurogroup for Animals.
Il-ħsieb hu li b’ħidma fuq livell Ewropew, jinbidlu sitwazzjonijiet fejn isir abbuż fuq l-annimali.
L-għaqda qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jinfurmaha b’każijiet ta’ abbuż ta’ annimali jew fejn il-ħarsien jew id-drittijiet tal-annimali jiġu mittiefsa. Qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jgħaddilha rapporti flimkien ma’ dettalji, ritratti u informazzjoni oħra fuq l-indirizz email animalguardiansmalta@gmail.com.
Animal Guardians Malta qalet li fit-18 ta’ Ġunju, infurmat lill-grupp fi Brussell li se taħdem fuq tliet livelli.
Trid twassal biex il-bejgħ tal-velenu tal-bebbux jew velenu ieħor, ma jibqax permess mill-ħwienet imma dan ikun jista’ jinxara biss mill-Ministeru tal-Agrikoltura fejn jiġu reġistrati dawk li jixtru dan il-velenu li qed ikun ta’ periklu għal diversi klieb, qtates u anke tfal.
Trid ukoll tkun vuċi għall-annimali fuq kwistjonijiet li jinqalgħu, fosthom l-aħħar kwistjoni urġenti dwar ħarsien tal-ħnieżer minħabba l-kastrazzjoni; u trid tiġbed l-attenzjoni tal-Eurogroup biex f’Malta jiżdiedu drittijiet u ħarsien tal-annimali.
Il-kumitat ta’ Animal Guardians Malta hu magħmul minn 10 persuni u hu mmexxi minn Karmen Koleiro li hi wkoll il-fundatriċi. Il-membri l-oħra huma Ramona Farrugia, Peter G Ware, Rose Cummings Calafato, Maryanne Norton, Martin Debono u Charlot Cassar.