Titwaqqaf Aġenzija għar-Riċiklaġġ

DOI - Reuben Piscopo

Twaqqfet Aġenzija ġdida għall-Irkupru tar-Riżorsi u Riċiklaġġ skont il-Ministru għall-Ambjent José Herrera.

Fi stqarrija Herrera spjega li l-aġenzija se tikkoordina l-isforzi li jridu jsiru biex jiżdied ir-riċiklaġġ. Qal li dan trid tagħmlu b’kordinament max-xogħol tal-WasteServ li qed taħdem fuq il-proġett għat-twaqqif tal-impjant ta’ Waste to Energy sal-2023.

Il-Ministru Herrera żied jgħid li waħda mill-ħidmiet tal-aġenzija se tkun li tikkonkludi x-xogħol dwar l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla tiġi implimentata.

Ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jippreżenta fil-Parlament bidliet fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent biex jiġi inkorporat kapitlu ġdid dwar l-ekonomija ċirkulari biex jiġi elenkat il-bżonn ta’ bidla mill-prattiċi preżenti dwar l-iskart għal tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari. Fost numru ta’ inizjattivi se twassal biex is-separazzjoni tal-iskart issir obbligatorja għal kulħadd.

Il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv tal-aġenzija l-ġdida se jkun l-Inġinier Marc Muscat. Il-Bord Konsultattiv ta’ din l-aġenzija se jkun magħmul minn Mario Fava, l-Inġ. Louis Borg, Marisa Pisani, u l-Avukat George Bugeja.