Tittieħed deċiżjoni li l-uniformi tal-iskola tinbidel fi tracksuit

Arkivji

Wara konsultazzjoni pubblika fuq l-uniformi tal-iskola mal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, il-maġġoranza kienu fi qbil li l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità li tinkludi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta tax-xitwa.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara numru ta’ konsultazzjonijiet li saru fi tliet fażijiet bejn l-1 ta’ Frar u t-18 ta’ Marzu ta’ din is-sena.

Ġie spjegat li 85% tal-istudenti mill-primarja li ħadu sehem fil-focus groups marru għall-għażla ta’ uniformi li tkun tracksuit. Dawn il-focus groups saru f’20 skola primarja mqassma fl-10 kulleġġi. Intant, 91% tal-istudenti mill-iskejjel medji u sekondarji kienu favur it-tracksuit.

Aqra: Għall-ġenituri: uniformi jew tracksuit? – Il-Ministeru

Intant il-konsultazzjoni mal-ġenituri u l-edukaturi saret permezz ta’ survey online. 89% tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji, medji u sekondarji tal-Istat huma favur it-tracksuit bħala uniformi. Intant 77% tal-edukaturi li huma wkoll ġenituri u 56% tal-edukaturi inġenerali qalu li huma wkoll favur it-tracksuit.

Kif se jkun id-disinn tat-tracksuit?

Il-Ministeru spjega li bħalissa qed jiġu kkonsultati l-aħjar għażliet fid-disinn u fil-materjal li għandu jkollha t-tracksuit biex tkun kemm komda u anke adattata għall-iskola. Intant saret konsultazzjoni interna dwar kif l-aħjar għandha tiddaħħal l-uniformi l-ġdida gradwalment biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-ġenituri.

Id-disinn tat-tracksuit il-ġdida għall-primarja u s-sekondarja se jkollhom xi dettalji li jvarjaw. Kull kulleġġ se jkollu dettalji u skemi ta’ kulur partikolari biex jibqa’ jkollhom identità li tidentifika lill-kulleġġ tagħhom.

Il-Ministeru qal li d-disinn u l-ispeċifikazzjonijiet tal-uniformi ġew fdati f’idejn l-istudenti tal-MCAST taħt id-direzzjoni u l-assistenza tal-letturi tagħhom. Wara dan il-proċess jibda l-proċess tal-għażla tal-fornitur tal-uniformijiet fejn il-Ministeru se jkun qed jippubblika request for proposals biex ikun jista’ jingħażel l-offerent li jonora l-ispeċifikazzjonijiet kollha mitlubin bl-aħjar offerta finanzjarja. Il-Ministeru qal li dawn id-dettalji mbagħad jiġu pubbliċi hekk kif jiġi finalizzat dan il-proċess.

Aqra: ​Tracksuit minflok uniformi għat-tfal tal-iskola?

Se jkun hemm phasing-in tal-uniformi l-ġdida

Il-Ministeru spjega li l-uniformi l-ġdida mhux se tiddaħħal mil-lum għall-għada imma se ssir fuq perjodu taż-żmien.

  • Fis-sena skolastika 2019/2020 se tinżamm l-uniformi preżenti, filwaqt li l-ġenituri se jkunu jistgħu jibgħatu lil uliedhom l-iskola bit-tracksuit li għandhom bħalissa.
  • Fis-sena skolastika 2020/2021 it-tracksuit il-ġdida, inkluż poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa se tidħol fil-Kindergarten 1, Year 1, Year 7 u Year 9.
  • Fis-sena skolastika 2021/2022 kull student li jattendi l-iskola jrid jagħmel dan bit-tracksuit il-ġdida

Jekk għandek xi mistoqsijiet tista’ ċċempelfuq 153.