Tittella’ l-kwarti finali tal-kampjonat Għawdxi tal-Motocross

Il-Gozo Motocross Association organizzat il-kwarti finali tal-kampjonat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Fi Klassi A żvolġiet taqtiegħa interessanti bejn Mario Cauchi u David Dimech u bejn Etienne Bigeni u Robert Spiteri.
Filwaqt li Dimech kien minn ta' quddiem fi tnejn minn tliet heats, finalment Cauchi għeleb lil Dimech u daħal fl-ewwel post tant li akkwista s-60 punt tal-ġurnata.
Sadanittant Bigeni rnexxielu jżomm postu fit-tielet post wara Dimech, segwit mill-qrib minn Spiteri li daħal ir-raba'.
Fi Klassi B, Keith Bugeja fuq Yamaha YZF 250cc żamm postu fuq quddiem nett waqt li żviluppat taqtiegħa tajba bejn Godfrey Bigeni u Matthew Zammit għat-tieni post.
Finalment kien Bigeni li għeleb lil Zammit bi ftit punti u b’hekk dawn spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.
Fi klassi Ċ, Joseph Luke Gauci temm il-heats b’suċċess fl-ewwel post filwaqt li l-veteran Mark Camilleri daħal it-tieni u Matthew Spiteri spiċċa fit-tielet post.
Ir-rebbieħa tal-ġurnata ngħataw trofej kull wieħed filwaqt li nġabru l-punti għall-kampjonat.
Intant is-semi-finali se tittella' nhar il-Ħadd, 23 t’April filwaqt li l-finali hija skedata għall-Ħadd, 14 ta’ Mejju.