Tittejjeb il-kwalità tal-ħoss fir-rikordings li għamel Melvin Theuma

Miguela Xuereb

Read in English.

Espert tal-Qorti tejjeb il-kwalità tal-awdjo tar-rikordings sigrieti li għamel Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf fuq il-każ.

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil, l-aħwa George u Alfred Degiorgio, u Vince Muscat. Huma dehru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

L-espert Keith Cutajar esebixxa USB drives li għandhom fuqhom il-fajls tal-awdjo tar-rikordings “imnaddfin” minn xi ħsejjes żejda jew interferenzi li seta’ kien fihom.

Huwa spjega li permezz ta’ proċess imsejjaħ “audio optimisation” setgħu jiġu eliminati ħsejjes esterni, bħal xi magna tal-karozza għaddejja fl-isfond, tisfir tal-għasafar u ħsejjes oħra ta’ din ix-xorta. Huwa żied jgħid li vuċijiet fl-isfond ma ġewx eliminati f’każ li jkunu ta’ relevanza għall-każ.

Cutajar għamel aġġustamenti f’133 rikording. Qal li dan tejjeb kif jinstemgħu r-rikordings.

Dr Jason Azzopardi, li kien qed jidher f’isem il-familja Caruana Galizia, staqsa lil Cutajar jekk dan is-sett ta’ rikordings jistgħux jissemmgħu fil-proċeduri tal-qorti kontra Yorgen Fenech, li hu suspettat bil-qtil. Cutajar wieġeb li peress li dan hu proċess li jsir bl-idejn, ikun aħjar jekk tiġi preżentata kopja ta’ dawn il-fajls fil-qorti nhar il-Ġimgħa.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit imbagħad qalet li se tqabbad lil tliet individwi sabiex jagħmlu traskrizzjoni tar-rikordings.

Is-seduta li jmiss hija skedata għall-25 ta’ Ġunju fid-9.30am.