Tittardja titjira oħra tal-Air Malta

Id-dewmien fit-titjiriet tal-Air Malta jidher li kompla għaddej fil-ġurnata tal-lum hekk kif ġiet affetwata titjira minn Katanja.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li t-titjira li kellha titlaq minn Katanja għal Malta fit-3:30pm issa ġiet skedata għas-6:15pm, jiġifieri kien hemm dewmien ta’ kważi tliet sigħat.
Kelliem għall-Air Malta ikkonferma d-dewmien ma' Newsbook.com.mt u qal li dan se jitla' għal total ta' 4 sigħat.
Spjega wkoll li kien hemm xi titjiriet li ttardjaw madwar nofs siegħa.
Min-naħa l-oħra s-sit tal-Air Malta qed juri li t-titjira KM185 kellha titlaq fl-4:15pm u ġiet posposta għas-6:15pm. Dan bil-possibiltà li jkun hemm aktar dewmien minn dak li qed jitbassar.
Oriġinarjament it-titjira kellha titlaq Londra fl-10:30am, iżda telqet fis-2:20pm. Dan ifisser li kien hemm diġà madwar erba’ sigħat ta’ dewmien.
Ilbieraħ, propju 18-il titjira tal-Air Malta ġiet affetwata minn dewmien. Sosi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu qalu li dan kien minħabba ħsara teknika f’xi ajruplan u ajruplan li ntlaqat minn xi għasafar.
Id-dewmien varja bejn 30 minuta u 18-il siegħa.