Titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi

Il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi wara li spjega li l-Prim Ministru Joseph Muscat falla li jieħu azzjoni.

Il-mozzjoni ġiet f’reazzjoni għat-trust tal-Ministru Mizzi fi New Zealand li ngħad li kienet tikkontrolla l-kumpanija bl-isem ta’ Hearneville Inc. fil-Panama. Dan kien inkixef kemm mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u mill-investigazzjonijiet ġurnalistiċi tal-Panama Papers.

F’messaġġ fuq il-paġna tal-Partit Demokratiku, Farrugia sostna li l-Prim Ministru kellu ġimgħatejn ċans biex jieħu azzjoni kontra l-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Farrugia semma kif minflok, il-Prim Ministru ħareġ jiddefendihom. Spjega li ladarba fl-2016, il-Ministru Mizzi gideb fil-Parlament, postu mhux fil-kabinett.

Fost l-ispunti li tqajjmu fid-dokument tal-mozzjoni ta’ sfiduċja, il-Membru Parlamentari Farrugia semma kif il-Ministru Mizzi kien ikkonferma hu stess l-eżistenza ta’ din l-istruttura finanzjarja. Spjega li kien ġie stabbilit li din l-istruttura twaqqfet waqt li l-Ministru kien politikament responsabbli mill-Enerġija u l-power station ġdida tal-gass. Minn hawn Farrugia semma kif korrispondenza riċentament ippubblikata minn The Daphne Project turi li 17 Black kienet kumpanija identifikata bħala potenzjalment klijent.

Aqra fis-sħiħ il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi