Titressaq mozzjoni biex il-Parlamentari ma jaqbżux in-nofs siegħa jitkellmu

Il-Gvern ippropona li d-deputati parlamentari ma jdumux jitkellmu aktar minn nofs siegħa, f’mozzjoni mressqa lbieraħ fil-Parlament.
Din il-mozzjoni tressqet mill-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, f’tentattiv sabiex tiġi indirizzata l-ħidma parlamentari.
Fost l-oħrajn, dil-mozzjoni timmira li taġġorna l-proċess parlamentari sabiex ikun aktar effiċjenti u effettiv skont l-eżiġenzi tal-lum.
Barra minn hekk, Cardona ppropona wkoll li nhar ta’ Tnejn u l-Erbgħa s-seduti jibdew mis-2pm sad-9pm, meta jinħass il-bżonn.
Il-Ministru rrimarka wkoll li l-ġurnata tal-Ħamis se tibqa’ ddedikata għall-mozzjonijiet jew abbozzi li jitressqu daqqa mill-Gvern, daqqa mill-Oppożizzjoni, wara xulxin. Jekk il-Gvern ma jużax id-darba li jkun imissu, l-Oppożizzjoni tista’ tużaha hi darba kull tliet xhur.
Sadanittant, il-Viċi Kap tal-PN, Mario de Marco, sostna fil-Parlament li l-mozzjoni mressqa lbieraħ kienet simili għal oħra li għaddiet is-sena l-oħra.
Semma l-kwistjoni tal-full-time job għall-Parlamentari. Saħaq li d-deputati għandhom jagħżlu jkunu full-timers jew le.
Ippropona wkoll li d-deputati jkollhom riċerkaturi li jgħinuhom fil-ħidma parlamentari tagħhom, u wissa sabiex ma jkunx hawn żewġ livelli ta’ parlamentari: dawk Ewropej mgħammra bil-faċiltajiet kollha, u dawk Maltin nieqsa minnhom.
Intant, ilbieraħ kienet l-aħħar seduta parlamentari qabel il-btajjel tas-sajf. Il-Parlamenta jerġa’ jiltaqa’ fit-2 ta’ Ottubru.