Titranġa l-bankina wara inċident b’Tal-Linja

Il-bankina li għamlet xi jiem imfarrka wara li daħlet fiha Tal-Linja fi Triq Wied iż-Żurrieq minħabba li skiddjat issa saritilha t-tiswija meħtieġa skont Infrastructure Malta. Minbarra li tfarkket il-bankina waqa’ ukoll ħajt.

Wara li resident ikkuntattja lil Newsbook.com.mt dwar il-fatt li t-tiswijiet meħtieġa ma sarux immedjatament, għamilna kuntatt ma’ Infrastructure Malta dwar il-każ. Ir-resident spjega li mit-triq jgħaddu għexieren ta’ nies kuljum. Irrimarka li hija triq popolari ma’ nies li jmorru jimxu u jiġru, anke bil-lejl. Sostna li kien qed jistenna li jkorri xi ħadd.

Intant kelliem għal Infrastructure Malta wieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt propju tmint ijiem wara li ntbagħtu l-mistoqsijiet fejn spjega li x-xogħlijiet kienu saru ftit tal-jiem ilu.