Titqiegħed l-istruttura tal-pont fil-Baċir Numru Wieħed

Wara li xahrejn ilu kien tpoġġa l-pedament għall-pont fil-Baċir Numru Wieħed fix-xatt ta’ Bormla, illum tpoġġiet l-istruttura li fuqu se jserraħ dan il-pont, li se jkun qed jgħaqqad il-lokalità ta’ Bormla mal-Isla.
Apparti x-xogħlijiet fuq dan il-pont, li se jkun twil madwar 40 metru, saru xogħlijiet oħra fid-daħla tal-Baċir fi Pjazza Gavino Gulia.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li x-xogħlijiet kollha relatati mat-tisbiħ u r-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona se jkunu lest ix-xahar id-dieħel.
L-għan ewlieni tal-proġett meta kien tħabbar mill-Gvern preċedenti kien li joffri post rikreattiv lill-familji f’żona li kienet mitluqa u bla użu.
Id-diżinn jinkludi mixja sħiħa mill-Isla sal-waterfront tal-Birgu.