Titqiegħed l-ewwel ġebla tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex

Victoria Primary School Ian Borg Clint Camilleri

Read in English.

Illum il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qiegħdu l-ewwel ġebla tal-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex.

L-iskola l-ġdida se jkollha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u 10 klassijiet tal-kindergarten. L-iskola se jkollha wkoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti. Id-daqs tal-iskola se jkun ta’ madwar 8,000 metru kwadru, bi 3,000 minnhom għall-isport u għar-rikreazzjoni tat-tfal.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Owen Bonnici qal li, “illum qed nassistu għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-iskola primarja l-ġdida li se nkunu qed nibnu għal uliedna f’din il-lokalità li dejjem qed tikber.” Żied li l-bini ta’ din l-iskola l-ġdida se jsir b’investiment ta’ €10 miljun fl-infrastruttura edukattiva tal-pajjiż. Il-Ministru spjega li din l-iskola se tkun mgħammra bl-aqwa faċilitajiet inklużi dawk tat-teknoloġija u tal-isports. F’din l-iskola se jkun hemm ukoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal għall-ġenituri li jaħdmu u bosta faċilitajiet sportivi li jistgħu jintużaw wara l-ħinijiet tal-iskola.

Apparti l-bini tal-iskola primarja se tkun qed titkabbar u tiġi mmmodernizzata l-middle school. Il-Ministru rringrazzja  lill-prinċipal tal-kulleġġ u lill-kap tal-iskola, lill-ġenituri u lit-tfal kollha tal-koperazzjoni tagħhom sakemm tinbena din l-iskola l-ġdida.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri qal li dan huwa proġett infrastrutturali differenti għax huwa proġett għall-istudenti u t-tfal. Il-Ministru Camilleri rrimarka li apparti dan l-il-proġett beda proġett ta’ taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Denise Mifsud qalet li fil-preżent il-popolazzjoni tal-iskola hija ta’ 350 student mill-kindergarten sas-sitt sena. Fl-iskola l-ġdida, minbarra l-klassijiet, hemm ukoll kmamar fejn jistgħu jiġu mgħallma suġġetti speċifiċi, bħall-arti, il-mużika, id-drama u x-xjenza. Se jkun hemm staffroom spazjuża kif ukoll gym li se jkun mgħammar.

Din l-iskola se tkun tista’ tilqa’ fiha madwar 650 tifel u tifla.