Titqabbad il-karozza ta’ ġurnalist tal-Medialink

Read in English.

Il-ġurnalist Dione Borg kiteb li xi ħadd ħaraqlu l-karozza l-lejl li għadda f’Ħ’Attard.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li n-nar ġie nnutat waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu l-pulizija fil-11.20pm fi Triq Dun Mikiel Xerri.

Fuq Facebook, Borg irringrazzja lill-Protezzjoni Ċivili u lill-Pulizija tal-għajnuna tagħhom. Spjega li minn kamera tas-sigurtà, tidher persuna tqabbadlu l-karozza, u mbagħad taħrab minn fuq il-post bi scooter elettriku.

Jidher li l-karozza pparkjata quddiemha sofriet xi ħsara wkoll. Infetħet inkjesta maġisterjali fuq il-każ.

Dione Borg huwa ġurnalist mal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, u s-sena li għaddiet ikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-istess partit.

Huwa wkoll Segretarju Ġenerali tat-tim tal-futbol tal-Furjana. Illum l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) għandha tiddeċiedi jekk Floriana FC jiħdux il-kampjonat.

Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart jixtiequ juru solidarjetà ma’ Dione Borg.

Nirringrazzja lill-membri tal-Protezzjoni Civili u l-pulizija li illum assistewni wara li persuna haraqli l-karozza ftit…

Posted by Dione Borg on Sunday, May 24, 2020