“Titolbuhomx jiġu għax-xogħol għax tiksru l-liġi” – Il-Gvern

Il-Gvern appella lil min iħaddem lir-residenti taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far sabiex ma jħeġġuhomx imorru għax-xogħol għax ikunu qed jiksru kundizzjonijiet imposti mil-liġi.

Dan ħareġ mill-bulettin tal-Gvern li ta’ kuljum iħares lejn l-aħħar żviluppi ta’ nota li jkunu ħarġu dwar il-coronavirus fil-pajjiż. Ilbieraħ il-Gvern ħabbar li b’effett immedjat, ir-residenti kollha taċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se jkollhom jagħmlu 14-il jum fi kwarantina mandatorja. Dan wara li nstab cluster ta’ tmien każijiet pożittivi fiċ-ċentru bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd.

Il-Gvern spjega li din il-kwarantina għar-residenti qed issir bl-istess raġunar ta’ kull każ ieħor fil-pajjiż bħala mod kif tista tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni u mhux kwistjoni ta’ razza, kulur jew reliġjon. F’Ħal Far se tkun qed tiżdied il-preżenza medika mill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa b’kollaborazzjoni tas-Salib l-Aħmar.

“Ejja ma nillaxkawx”

Minkejja li l-firxa tal-COVID-19 fil-pajjiż tinsab taħt kontroll, il-Gvern sostna li dan ma jfissirx li wieħed jista’ jillaxka, la fil-ħarsien tal-miżuri implementati mill-awtoritajiet tas-saħħa u lanqas fl-aġir. Qal li huwa importanti li kulħadd jibqa’ ddixxiplinat u jikkopera mad-direttivi biex iħares saħħtu u saħħet dawk ta’ madwaru.

Immultati 81 persuna u 2 stabbilimenti

81 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed matul il-jum tal-bieraħ waqt ir-rondi li l-Pulizija qed tagħmel biex tassigura li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi. Intant żewġ stabbilimenti nqabdu jiksru r-regolamenti imposti biex jibqgħu magħluqa biex titrażżan l-imxija tal-Coronavirus. Wieħed kien kjosk f’Baħar iċ-Ċagħaq li kien qed iservi l-birra u ieħor ħanut tax-xorb fil-Ħamrun li nqabad bi klijenti jixorbu u jisimgħu l-mużika. Is-sidien ingħataw multa ta’ €3,000 kull wieħed, bil-ħanut tax-xorb fil-Ħamrun jingħata avviż ta’ infurzar.

Tibdiliet fir-reġistrazzjoni tal-imwiet

Il-Gvern semma kif mil-lum in-notifika tal-mewt tista’ ssir billi wieħed jibgħat email lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fuq localnotifications.pubreg@gov.mt. Il-persuna li tkun qed tagħmel in-notifika għandha tiġbor dawn id-dokumenti:

  • Il-formola għad-Dikjarazzjoni ta’ Notifika ta’ Mewt mimlija (issibha mis-sit www.identitymalta.com taħt Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku);
  • iċ-Ċertifikat tal-Mewt mit-tabib;
  • il-Karta tal-Identità tal-persuna mejta;
  • kopja tal-Karta tal-Identità tal-persuna li qed tagħmel in-notifika; u
  • dokumenti oħra kif indikat mir-Reġistru Pubbliku.

Dawn għandhom jitbagħtu b’posta reġistrata lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, Triq il-Merkanti, Il-Belt Valletta. Malli l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku jipproċessa n-notifika se jinforma lill-persuna li għamlet in-notifika li r-reġistrazzjoni tlestiet. Iċ-Ċertifikat ta’ Mewt ikun jista’ jiġi ordnat minn www.certifikati.gov.mt.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ara fuq liema numri tista’ ċċempel

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming