Maratona oħra għad-Dar tal-Providenza; RTK ġabar miljuni

Għat-22 sena konsekuttiva, id-Dar tal-Providenza u RTK qed jingħaqdu f’festa ta’ ġenerożità bl-għan li jinġabru fondi għat-tmexxija ta’ dan il-kumpless. Fr Martin Micallef, id-direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li d-dar trid mal-€14,000 kuljum biex titmexxa.
Anton Attard, f’isem RTK, qal li tul it-22 sena li ilha ssir din il-Maratona, RTK għen biex jinġabru aktar minn €10 miljun għall-bżonnijiet ta' din id-dar.
"L-impenn u l-ħeġġa tal-pubbliku kienu bħaż-żerriegħa tal-mustarda, li miċ-ċokon tal-ewwel ġabra li kienet tgħodd mal-€14,000, illum qed tkun organizzata maratona fuq livell nazzjonali," qal Attard.
Huwa spjega li, din is-sena ukoll, RTK se jkun qed jgħin lil din l-inizjattiva u radd ħajr lil nies bħal Tonio Bonello u Sonia Young li kienu strumentali biex bdiet din l-attività annwali. 
Waqt din il-festa, li tradizzjonalment issir nhar l-1 ta’ Jannar, il-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar,  jara b’għajnejh xi proġetti u inizjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar, jagħti b’ġenerożità fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjieb, u li tkun xhieda ħajja li s-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b'diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.  
Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar, li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn iktar minn 100 artist, kemm Maltin kif ukoll barranin.