Titnieda skema ta’ rifużjonijiet għal ħlasijiet tal-Port

Read in English.

Illum tnediet skema ta’ rifużjonijiet għal ħlasijiet tal-Port li saru bejn Diċembru 2019 u Mejju 2020.

Għal din l-iskema huma eliġibbli l-operaturi, l-importaturi u l-esportaturi, kif ukoll l-aġenti tal-vapuri għal dawk id-drabi li ġabu merkanzija domestika waqt dan il-perjodu għall-konsum f’Malta bħala pajjiż.

Għal din l-iskema l-Gvern alloka l-ammont ta’ €2.08 miljun li se jiġu amminstrati minn Transport Malta.

F’każ tal-Operaturi, Transport Malta għandha l-informazzjoni kollha u se tkun qed tagħmel kuntatt mal-klijenti eliġibbli mingħajr il-bżonn ta’ applikazzjoni. Fil-każ ta’ Importaturi u Esportaturi ta’ unitised cargo, l-applikazzjonijiet jeħtieġu dokumentazzjoni u rċevuta tal-ħlas li jkun sar waqt dan il-perjodu. L-Aġenti tal-Vapuri u Freight Forwarders jeħtieġ li juru d-Delivery Orders u Bills of Loading hekk kif inhu applikabbli.

L-iskema se tinqasam fi tnejn. L-ewwel fost dawn tapplika għal dawk il-vapuri li daħlu fil-portijiet ta’ Malta bil-merkanzija bejn Diċembru 2019 u Mejju 2020. Din l-iskema toffri rifużjoni ta’ 35% fuq ħlasijiet li saru bħala ħlasijiet tal-port, ħlas ta’ pilotaġġ u servizzi ta’ rmiġġ. It-tieni skema tapplika għal dawk li joperaw bi trailers u containers fl-importazzjoni u l-esportazzjoni, fejn kull trailer huwa eliġibbli għal €40 u kull container huwa eliġibbli għal €20.

Aktar minn 1,350 vapur, aktar minn 24,700 container u aktar minn 14,700 trailer se jkunu eliġibbli għal dawn ir-rifużjonijiet.

Waqt it-tnedija ta’ din l-iskema l-Ministru Ian Borg qal li l-portijiet Maltin huma essenzjali, kemm għall-ħajja ta’ kuljum kif ukoll għall-ekonomija. Sostna li s-settur tat-tbaħħir ta prova tas-saħħa u d-determinazzjoni tiegħu meta waqt ix-xhur diffiċli li għaddiet Malta minnhom, baqa’ jissupplixxi lilna, lill-isptarijiet tagħna u lill-ħwienet essenzjali b’dak kollu li kellna bżonn.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-iskema se tkun qed tnaqqas il-piż minn fuq l-importaturi fl-istess waqt li se tipproteġi lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 2291 4144.