Titnieda sistema elettronika għall-avviż f’każ ta’ kontravenzjoni

Mill-15 ta’ Lulju li ġej, se tiddaħħal sistema elettronika ġdida fuq bażi volontarja fejn jidħlu l-kawżi kollha quddiem it-Tribunali Lokali.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo ħabbru qalu dan hu l-pass ‘il quddiem għal servizz aħjar u li jkompli ma’ lista sħiħa ta’ miżuri li ttieħdu kemm fil-kamp tal-ġustizzja u kemm fil-kamp tal-kunsilli lokali biex tiżdied l-effiċjenza.
Bis-sistema l-ġdida, il-familji u n-negozji ser jingħataw opportunità li, jekk iridu, jiġu infurmati permezz ta’ email u sms meta jkunu wettqu kontravenzjoni u mhux iktar bis-sistema tradizzjonali. 
Is-sistema tfasslet b’mod li kull min japplika jiġi mfakkar biex iħallas iċ-ċitazzjoni.
Min japplika, se jkun qed jirċievi notifikazzjonijiet varji, inkluż meta se jseħħ is-smigħ fit-tribunal u meta tingħata s-sentenza. 
Kull min hu interessat irid jirreġistra fuq is-sit elettroniku www.les.gov.mt u jikkonferma li jixtieq li jkun parti minn dan il-process elettroniku.