Filmat: Titnieda n-Network tal-Assoċjazzjonijiet Maltin tat-Tfal

Illum tnediet in-Network tal-Assoċjazzjonijiet Maltin tat-Tfal.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, rappreżentanti mit-13-il għaqda li se jkunu qed jiffurmaw in-network inġabru flimkiex biex jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom għat-twaqqif ta’ dan in-network li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li hija wkoll il-President tal-għaqda Eurochild qalet li dan huwa mument “storiku” għal Malta. Coleiro Preca qalet li l-organizzazzjonijiet differenti se jkunu qed imexxu quddiem il-vuċi tat-tfal.

Coleiro Preca qalet li t-twaqqif ta’ dan in-network qed iwitti t-triq biex Malta tkun tista’ tingħaqqad mal-Eurochild, organizzazzjoni fuq livell Ewropew li tgħaqqad flimkien 200 organizzazzjoni oħra minn madwar 30 pajjiż.

Il-President Emeritu qalet li dan il-proġett jiffoka fuq id-drittijiet – jiġifieri li wieħed jingħata l-ispazju biex jgħix f’dinjità. Però, żiedet tgħid li meta wieħed jitkellem dwar id-drittijiet awtomatikament jidħlu d-dmirijiet. Qalet li t-tfal qed jingħataw ir-responsabbilitajiet.

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Sharon Grillo qalet li huwa tajjeb li wieħed jinvesti fit-tfal għax dawn huma t-tobba u l-għalliema ta’ għada.

Il-membru tal-Kunsill tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni Maltija għall-Benesseri tas-Soċjetà (MFWS) Sharon Cilia qalet li l-isem MaltaCAN juri l-kapaċità tat-tfal.

It-13-il organizzazzjoni li ssieħbu mal-MaltaCAN huma the Malta Foundation for the Wellbeing of Society, Assistance to Children in Care Association (ACICA), Birdlife Malta, Fondazzjoni Sebħ, Karl Vella Foundation, Church Schools Children’s Fund, Malta Dyslexia Association, Malta Girl Guides, MGRM, National Foster Care Association (NFCAM), Right2Smile, Early Childhood Development Association Malta (ECDAM), Salesians of Don Bosco flimkien ma’ Salesians Pastoral Youth Services.