Titnieda mill-ġdid il-Culture Pass għall-istudenti Maltin

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici,flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, nieda il-Culture Pass għas-sena 2018 fil-Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop.
Il-Ministru Bonnici qal li din se sservi biex jiżdied l-investiment fil-kultura f’Malta u b’mod speċjali biex in-nies isiru jħobbu aktar l-arti u l-kreattività.
Permezz tal-Culture Pass l-istudenti li jmorru fi skejjel sekondarji jistgħu jibbenefikaw minn offerti speċjali għal attivitajiet kulturali.
Il-Kunsill Malti għall-Arti qal li l-Culture Pass, li tnediet bħala parti mill-istrateġija Create2020, tagħti l-istudenti d-dritt li jesperjenzaw minn tal-inqas attività kulturali waħda fis-sena, permezz tal-iskola tagħhom, u b’dan il-mod, l-istudenti jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-kultura u fl-arti.
Dawn il-produzzjonijiet se jkunu prodotti minn professjonijisti kreattivi, u ppreżentati fi programm ikkurat.
Il-ġeneri artistiċi tal-programm huma ż-żfin, it-teatru, il-mużika, l-arti viżiva, il-letteratura u l-patrimonju.
Din is-sena, l-iskejjel sekondarji jistgħu jagħżlu minn 25 avveniment artistiku u huma mitluba jagħżlu avvenimenti addattati għall-istudenti tagħhom mill-programm biex jiġi żgurat li l-kalendarju dinamiku ta’ avvenimenti kulturali jkun relatat mal-edukazzjoni tagħhom u li jkattar apprezzament lejn il-kultura u l-arti.
Bejn Jannar u Ġunju 2017, madwar 8,700 student ibbenefikaw mill-programm tal-Culture Pass.