Titnieda logħba ġdida mill-Maltco Lotteries

Maltco Lotteries

Il-kumpanija Maltco Lotteries nediet logħba ġdida bl-isem ta’ SUPERSTAR.

Fi stqarrija l-kumpanija qalet li sar taħriġ estensiv għall-aġenti u l-impjegati tagħha biex ikunu jafu aktar dwar il-logħba. Wieħed jista’ jirbaħ l-ogħla kategorija tal-premju ta’ SUPERSTAR billi jqabbel ħames numri u numru ieħor imsejjaħ SUPERSTAR ma’ dawk li jitilgħu LIVE fuq it-televixin.

Il-Maltco Lotteries qalet li stħarriġ li għamlet juri li SUPERSTAR se tkun ta’ suċċess. Il-kumpanija organizzat ukoll taħriġ dwar il-prinċipji u l-liġi tal-logħob responsabbli u dawk ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

L-ewwel tlugħ ta’ SUPERSTAR se jsir nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ottubru. SUPERSTAR se tibda b’jackpot ta’ €660,000. It-tlugħ ser jixxandar LIVE fuq TVM, kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7.45 pm.