Titnieda l-VMS, komunikazzjoni għall-bastimenti tas-sajd

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-ewwel seba’ Vessel Monitoring Systems (VMS) li ġew installati fuq bastimenti tas-sajd ‘il fuq minn 12-il metru.
Is-Segretarju Parlamentari qal li aktar sistemi tal-VMS, iffinanzjati mill-Fond Nazzjonali, se jkomplu jiġu insallati fuq bastimenti Maltin. Huwa nnota li wħud minn dawn il-bastimenti jmorru jistadu ferm ’il barra mill-kosta Maltija lejn il-gżejjer Baleariċi u għalhekk, permezz ta’ din is-sistema, se nkomplu niffaċilitaw il-ħajja tas-sajjieda.
Il-komunikazjoni għal meta wieħed ikun fuq il-baħar hija ta’ importanza kbira, speċjalment waqt is-sajda kif ukoll għall-ħin li jagħmel biex jasal fiż-żona fejn ikun se jsir is-sajd.
Ikunu jridu jsiru ċerti pjanijiet tar-rotot u ta’ fejn jista’ jinsab il-ħut, rapporti tal-qabda, kif ukoll rapport kull tant ħin ta’ fejn jinsab il-bastiment. Dan kollu jrid isir permezz ta’ mezz ta’ kommunikazzjoni li jissejjaħ VMS.
 Is-Segretarju Parlamentati qal li s-sistema l-ġdida li ġiet installata fuq numru ta’ bastimenti taħdem bis-satellita u tuża s-sistema tal-Inmarsat.
Din is-sistema toffri wkoll ċertezza li jkun fejn ikun il-bastiment, qatt ma jinqabad mingħajr coverage, u hekk tiġi eliminata l-ikbar problema li xi komunikazzjoni ma tkunx tista’ ssir.