Titnieda l-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità

Illum tnediet il-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Furjana, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Franco Mercieca, ħabbar li din il-politika ġiet imfassla prinċiparjament minn persuni b’diżabilità u l-qrabat tagħhom u semma kif din issa tinsab fil-fażi ta’ konsultazzjoni.

Semma kif  din il-politika għandha l-iskop li twitti t-triq għal-ħolqien ta’ Strateġija u pjan Nazzjonali għall-qasam tad-Diżabilità, xi ħaġa li ma kinetx teżisti qabel. Qal li din se tagħti  bażi għal żvilupp ta’ servizzi.

Dwar il-politika, is-Segretarju Parlamentari qal li din il-politika tiċċentra fuq id-drittijiet umani u ċivili, bit-temi jvarjaw minn drittijiet ċivili għall-familja, leġiżlazzjoni, sesswalità, midja, edukazzjoni u impjiegi fost oqsma oħra. 

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa' miftuħa sal-aħħar ta' April 2014. Min jixtieq jagħti kontribut f’din il-politika jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu fuq disabilitypolicy.mfss@gov.mt.

Ritratt: DOI – Martin Attard