​Titnieda l-ġimgħa għas-servizz pubbliku

Tnediet il-ġimgħa għas-servizz pubbliku bejn għada u l-Ħadd l-1 ta' Frar biex il-pubbliku jkun jista' jara u jifhem aktar mill-qrib ix-xogħol li qed isir mill-Gvern.
Waqt konferenza ta-aħbarijiet bit-tema Servizz ta’ Kwalità, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbar diversi attivitajiet li se jkunu qed isiru matul din il-ġimgħa u nieda wkoll id-dokument Miżuri ta’ Simplifikazzjoni 2014. Dan id-dokument tqassam lill-Membri Parlamentari kollha u lill-Oppożizzjoni biex nhar l-Erbgħa jiġi diskuss fil-Parlament. 
Dan id-dokument fih 206 miżura ta' simplifikazzjoni, li minnhom twettqu 142. 64 miżura oħra qegħdin fil-proċess li jsiru.

Sostna li l-ikbar simpfilikazzjoni se tkun il-ftuħ ta' one-stop-shops matul din is-sena.
Mario Cutajar semma wkoll xi attivitajiet li se jsiru matul il-ġimgħa għas-servizz pubbliku. Kollox jibda għada s-Sibt, fejn impjegati pubbliċi se joffru numru ta’ sigħat ta’ volontarjat f’diversi djar tat-tfal u għaqdiet mhux governattivi fosthom f’Dar is-Sliem u Dar Osanna Pia.
Nhar il-Ħadd se jsiru ġranet għall-pubbliku bil-għan li l-pubbliku jkun jista’ jara mill-viċin u jifhem aħjar ħidmet l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Impjant tar-Riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin, il-MITA u l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. 
Il-Ħamis li ġej se ssir attività ta' rikonoxximent immirata għal dawk l-impjegati pubbliċi bl-aħjar ideat ta' simplifikazzjoni fil-Ministeri. Dan abbażi n-numru ta' simplifikazzjonijiet u l-aktar simplifikazzjonijiet li laqtu nies.