Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar ħruġ ta’ liċenzji għall-Aġenti tal-Proprjetà

Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar ilħruġ ta’ liċenzji ta’ Aġenti tal-Proprjetà immobbli, Sensara tal-Proprjetà u Konsulenti tal-Proprjetà.

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni qal li s-Segretarju Parlamentari Chris Agius illum nieda abbozz ta’ liġi intiż li jarmonizza l-involviment tal-persuni li jaġixxu bħala intermedjarji fil-proċess ta’ negozjar u arranġament ta’ transazzjonijiet li jinvolvu l-akkwist jew il-kiri ta’ proprjetà.

“Essenzjalment, dan l-Att se joħloq qafas regolatorju fejn aġenti tal-proprjetà immobbli, managers tal-fergħat u konsulenti tal-proprjetà li jaħdmu għal aġenti tal-proprjetà immobbli kif ukoll sensara tal-proprjetà jiġu liċenzjati biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom,” qal is-Segretarjat.

Intqal li se jkun assigurat li l-intermedjarji jkollhom taħrig bażiku f’aspetti legali, finanzjarji, u tekniċi relatati mal-proprjetà.

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ lill-pubbliku u lil kull min imiss ma dan is-settur biex jibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu dwar dak li qed jiġi propost. 

L-abbozz jista’ jinkiseb minn hawn.

Ir-rispons jista’ jintbagħat fuq publicconsultations.mtip@gov.mt jew indirizz postali: ‘Ministry for Transport, Infrastructure and Capital Projects, Block B, Triq Francesco Buonamici, Floriana, Malta’, sas-26 ta’ Marzu 2020. F’każ ta’ diffikultà wieħed jista’ jċempel fuq 2292 2020.