Titnieda konsultazzjoni mingħajr l-att ippubblikat

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet konsultazzjoni mingħajr ma ġie ppubblikat l-att jew White Paper dwaru. Din il-konsultazzjoni għandha twassal biex biex f’Għawdex titwaqqaf l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.

Newsbook.com.mt staqsa dwar dan l-att li l-ewwel abbozz tiegħu ġie ppreżentat fil-Parlament fl-aħħar seduta li saret fil-bidu ta’ Lulju, mistoqsijiet dwaru ma ġewx imwieġba, b’kelliem għall-Ministeru jgħid li l-midja se tkun mistiedna għat-tnedija tiegħu.

Minkejja dan, dalgħodu saret it-tnedija tal-konsultazzjoni li għaliha Newsbook.com.mt ma kienx mistieden u li fiha tkellmu tliet kelliema biex jagħtu l-informazzjoni dwar l-Awtorità l-ġdida.

Il-Ministeru qal fi stqarrija li “l-Awtorità se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex skont miri ċari marbuta ma’ dati stabbiliti minn qabel”.

It-tliet kelliema li tkellmu dwar l-Awtorità ta’ Għawdex kienu kollha Maltin David Spiteri Gingell, Dr Vanni Bruno u Dr Gordon Cordina.

F’tentattiv ieħor biex nippubblikaw l-abbozz ta’ liġi li qed jiġi ppreżentat fil-Parlament, kelliem għall-Ministeru kkonferma li l-Att għadu ma ġiex imħejji biex jiġi ppubblikat wara eżerċizzju komprensiv dwar l-għanijiet u l-iskop tal-istess Awtorità.

Dan ukoll jikkonferma li l-istess għanijiet u skopijiet għandhom ma ġewx stabbiliti.

Wieħed jista’ jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu sat-Tnejn, 3 ta’ Settembru li ġej.