Titnieda kampanja għal referendum għall-kaċċa fir-Rebbiegħa

Dalgħodu l-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa (CASH) nediet kampanja għall-ġbir ta’ firem għall-petizzjoni. Din il-petizzjoni għandha l-għan li ssejjaħ sabiex isir referendum għat-tneħħija tal-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Il-koalizzjoni hija magħmula mill-Assoċjazzjoni Ramblers ta’ Malta, Nature Trust, Moviment Graffiti, Is-Salvataġġ Internazzjonali tal-Annimali f’Malta, Greenhouse Malta, il-Fondazzjoni Gaia, Friends of the Earth Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, il-Koalizzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali, BirdLife Malta u l-Alternattiva Demokratika.

Il-kelliemi għall-Koalizzjoni Rudolph Ragonesi fisser kif dan ir-referendum huwa ċans reali għall-poplu Malti biex iwaqqaf dan il-ħafna logħob bejn l-Unjoni Ewropea u Malta dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa. Huwa kompla jgħid li l-Kaċċa fir-Rebbiegħa hija possibbli f’Malta grazzi għal deroga mid-Direttiva tal-Għasafar tal-Unjoni Ewropea. Il-kaċċa hija permessa biss fir-Rebbiegħa għal Gamiem u s-Summien imma dawn saru speċi ta’ tħassib għaliex l-għadd tagħhom qiegħed kull ma jmur jonqos fl-Ewropa. It-tkomplija tal-kaċċa tqiegħed lil Malta f’riskju li tibda taqla l-multi mill-UE.  

Rudolph Ragonesi temm jgħid li sabiex jissejjaħ dan ir-referendum millinqas 34,000 Malti eleġibbli li jivvota f’elezzjoni ġenerali għandu jiffirma din il-petizzjoni.