Titnieda inkjesta fuq binjiet b’konkos dgħajjef fl-Imtarfa

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia ħabbar li tnediet inkjesta biex tistabbilixxi l-irregolaritajiet li saru f’Binja Buqana fl-Imtarfa.
Il-Ministru Farrugia qal li meta fl-2014 feġġet il-problema tal-binja tal-emerġenza ta’ Mater Dei, inbeda eżerċizzju ta’ investigazzjoni fuq binjiet oħra li saru fl-istess żmien.
Fisser kif sar magħruf illi l-Awtorità tad-Djar kienet irċiviet diversi rapporti mir-residenti tal-Binja.
Il-Ministeru qal li l-allegazzjonijiet ta’ difetti fl-istruttura li kienu qegħdin jiġu rrappurtati kienu qegħdin jiġu miċħuda mill-Perit responsabbli mill-Binja.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li fl-istess żmien inzerta kien hawn Malta l-esperti mqabbda biex jinvestigaw in-nuqqasijiet fil-binja tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei u għalhekk saru diskussjonijiet magħhom sabiex jinbeda l-proċess ta’ investigazzjoni  fuq il-kwalità tal-istruttura u l-istat ta’ Binja Buqana.
Semma’ kif il-kumpanija ARUP għaddiet l-informazzjoni b’numru ta’ linji gwida ta’ kif l-Awtorità tad-Djar għandha tmexxi sabiex isir l-intervent strutturali li hemm bżonn. 
Skont ir-riżultat tal-Inkjesta, il-Gvern jikkonsidra x’tip ta’ proċeduri ċivili jew kriminali jista’ jibda kontra min seta’ kellu xi tip ta’ responsabilità.
S’issa, qal il-Ministru Farrugia, jidher illi l-ispiża mistennija tilħaq €2.5 miljun.
L-inkjesta se tiġi estiża ukoll f’binjiet oħra.
L-inkjesta se tkun qed titmexxa mill-Imħallef Emeritus Philip Sciberras.