Titnieda Festa Ħut 2019 – le għall-plastik li jintuża darba biss

Għal darba oħra l-villaġġ pittoresk tas-sajjieda Marsaxlokk se jkun qed jinbidel f’festa akbar ta’ ħut, f’avveniment li llum sar jagħmel parti mill-kalendarju kulturali Malti u li jattira diversi Maltin u turisti.

Din is-sena s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jtella’ Festa Ħut is-Sibt 14 ta’ Settembru mis-7.00 sal-11.00pm f’Marsaxlokk flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk bil-għajnuna tas-Segretarjat għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet, l-Għaqda Koperattiva għas-Sajd u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri nieda l-attività annwali Festa Ħut fejn stqarr li attivitajiet bħal din huma parti importanti mill-istrateġija tal-gvern li jippromwovi l-prodott Malti u l-ħut frisk u s-Segretarjat Parlamentari dejjem ikun minn ta’ quddiem biex jagħti l-għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jittellgħu attivitajiet li jippromwovu l-kwalità tal-prodott lokali u jżommu t-tradizzjonijiet ħajjin.

Camilleri elenka parti mill-ħidma li saret din is-sena biex ikompli jissaħħaħ is-settur tas-sajd u qal li s-Segretarjat qed jagħmel ħiltu biex inaqqas il-plastik li jintuża darba biss. fakkar fl-attività Ħondoq by Night ta’ din is-sena li kienet l-ewwel attività kbira f’pajjiżna fejn ma ntużax plastik. Clint Camilleri elabora li dan il-gvern ħa pass ieħor pożittiv meta nieda l-Marine Litter Scheme – Saving Our Blue, politika ħolistika dwar is-single-use plastic. Spjega li s-sajd u l-baħar b’mod ġenerali huma wieħed mill-elementi l-aktar milquta minn dak imsejjaħ marine litter.

49% tal-marine litter ġej minn single-use plastic mormi abbużiv

Is-Segretarju Parlamentari qal li hu ċar li meta wieħed jara l-istatistika jifhem kif 49% tal-marine litter ġej minn single-use plastic mormi abbużiv. Clint Camilleri spjega li inutli nagħmlu programmi u nieħdu miżuri biex intejbu l-qagħda ta’ ċerti speċi jekk fl-aħħar mill-aħħar ma nkunux qed nindirizzaw b’mod dirett wieħed mill-elementi li qed jeqred il-baħar u l-ħut.

Camilleri esprima li huwa pożittiv li nnaddfu qiegħ il-baħar u l-bajjiet tagħna u li dan isir anka permezz ta’ ħidma kordinata mill-eNGOs u nies oħra. Però qal li aħna rridu nkunu parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema.

Fil-fatt waqt Festa Ħut se jkun hemm diskussjoni dwar sajd sostenibbli u l-importanza ta’ baħar nadif kif ukoll stalls mid-dipartimenti fejn jiffukaw fuq ambjent marittimu b’saħħtu u nadif u x’għandna nagħmlu f’dan ir-rigward. Din is-sena wkoll se jkun hemm it-tinda tal-kampanja Saving Our Blue, fejn id-dipartiment żar diversi bajjiet f’Malta u f’Għawdex biex twassal il-messaġġ tagħna – le għall-plastik li jintuża darba biss. Barra minn hekk se jkun hemm bejgħ tal-ħut, ikel tipiku Malti magħmul mill-ħut, esperjenza unika fuq dgħajsa tas-sajjieda, esebizzjoni ta’ opri differenti tal-baħar u divertiment għall-familja kollha.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis żied li din l-attività hija waħda mid-diversi attivitajiet kulturali mtella’ mill-kunsilli lokali li qed jiġu sussidjati permezz ta’ Skema Attivitajiet Kulturali għal din is-sena.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li inizjattivi bħal dawn joffru togħma tal-kultura Maltija u għaldaqstant jikkumplimentaw il-prodott turistiku li joffri pajjiżna. Fisser li l-prodott li kapaċi joffri pajjiżna jrid jiġi sostnut b’infrastruttura isbaħ u aħjar.