Titneħħa app użata għal attivitajiet tal-massa privati

Il-kumpanija tat-teknoloġija Apple neħħiet app minn fuq l-App Store tagħha li kienet qed tintuża minn utenti tal-iPhones biex jippromwovu festini u attivitajiet tal-massa privati waqt il-pandemija tal-Covid-19.

L-App Vybe Together tneħħiet minn fuq l-App Store ta’ Apple kif ukoll tħassrilha l-kont ta’ TikTok u tneħħietilha kważi l-preżenza diġitali tagħha kollha minn fuq l-internet. Jidher li r-raġuni wara dan kien sabiex l-app ma tintużax biex tiffaċilità attivtajiet tal-massa fi żmien meta suppost qed tinżamm distanza soċjali b’mod strett.

Vybe Together kienet qed tiġi rriklamata bħala app li biha wieħed jista’ jirriklama l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li ma jimxux mar-regoli u miżuri mħabbra mill-awtoritajiet minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Permezz tal-app l-organizzaturi ta’ dawn l-avvenimenti setgħu japprovaw l-istediniet individwalment, biex l-indirizz u d-dettalji tal-attività jirċevuha biss dawk in-nies li huma jkunu approvaw sagħtejn biss qabel l-attività tibda.

Il-maġġoranza ta’ dawn l-attivitajiet kienu jkunu illegali taħt iċ-ċirkustanzi preżenti.