Titnaqqas sentenza ta’ frodist

Read in English.

Tnaqqset is-sentenza ta’ priġunerija għal raġel ta’ 30 sena minn Ħal Għaxaq wara li kien instab ħati fuq akkuża ta’ frodi.

Il-Qorti kienet sabet lir-raġel ħati u kkundannatu 30 xahar ħabs, iżda l-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li għalkemm ir-raġel huwa ħati li ffroda persuna, huwa ma nstabx ħati li l-assi tiegħu żdiedu għad-detriment ta’ persuni oħra.

Ir-raġel kien wieġeb ħati li ffroda €3,400 mingħand sieħbu biex jagħmel operazzjoni. F’każijiet separati huwa kien instab ħati u ġie kkundannat disa’ snin ħabs wara li kien akkużat li ffroda madwar 100 klijent. Ir-raġel kien ħa depożiti fuq karozzi li suppost kellu jimporta mir-Renju Unit. Madankollu dawn il-karozzi qatt ma waslu. Huwa kien instab ħati wkoll li uża ċekk falz biex jixtri arloġġ lussuż.

Il-Maġistrat qalet li f’dan il-każ ma kienx hemm provi li l-assi tal-persuna żdiedu għad-detriment tal-persuna oħra u r-reat seħħ fil-mument li l-oġġett fdat biex ikun użat mill-akkużat. Għalhekk il-Maġistrat ikkundannat lir-raġel sentejn ħabs u ordnat li għandu jagħti s-somma ta’ €3,400 lura fi żmien tliet snin.