Titnaqqas it-taxxa tat-trasferiment tan-negozju fi ħdan familja

Tħabbar tnaqqis fit-taxxa tal-boll li tapplika meta negozju familjari jgħaddi minn persuna għal oħra fl-istess familja, ngħidu aħna mill-ġenituri għall-ulied.
Dan qaluh il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, u l-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Scicluna rrimarka li t-taxxa tat-trasferiment tnaqqset minn 5% għal 1.5%. Kompla billi qal li din it-taxxa, flimkien ma’ sfidi oħra, kienu qed ixekklu n-negozju familjari, saħansitra jwasslu biex dan jintilef minn ġenerazzjoni għal oħra.
Scicluna qal li jħossu kunfidenti li b’dil-miżura l-Gvern jiffaċilita t-trasferiment, u għalhekk anki hu jmur minn fuq għax ikun hawn aktar negozji li ma jagħlqux.
It-taxxa tapplika għal dawk in-negozji li ilhom ikkunsidrati bħala tal-familja sa mill-inqas tliet snin, u jridu jibqgħu hekk sa mill-inqas tliet snin wara li jsir it-trasferiment tan-negozju familjari.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech