Titmexxa għal nhar il-Ġimgħa l-Konsagrazzjoni tal-Isqof Teuma

Read in English.

Il-Konsagrazzjoni Episkolpali tal-Isqof il-ġdid għal Għawdex Mons. Anton Teuma se titmexxa aktar ‘il quddiem u se ssir nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu fil-5.30pm fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.

Ikkonferma dan sors mill-Kurja ta’ Għawdex hekk kif bħalissa qed isiru l-preparamenti u t-tibdil fil-programm uffiċjali li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet. Dakinhar, id-Djoċesi ta’ Għawdex qalet li l-programm jibqa’ suġġett għal tibdil u l-possibbiltà li wieħed jieħu sehem tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-mument. 

Il-Konsagrazzjoni tal-Isqof il-ġdid kienet se ssir fit-13 ta’ Settembru iżda t-tibdil fid-data huwa maħsub li sar minħabba l-każijiet dejjem jikbru ta’ Covid-19.

Nhar il-Ħamis 20 ta’ Awwissu fit-8pm se ssir Ċelebrazzjoni ta’ Talb(bil-magħluq) bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, fir-Rabat Għawdex.

Intant nhar il-Ħamis 27 ta’ Awwissu fis-6.30pm se ssir Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr għall-Ministeru Episkopali ta’ Mons. Mario Grech fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, fix-Xewkija.

Il-programm tal-inawgurazzjoni uffiċċjali tal-Ministeru ta’ Mons Anton Teuma se jagħlaq b’Ingress Solenni nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru fis-6.30pm fil-Katridral tal-Assunta, fir-Rabat Għawdex.

Fis-17 ta’ Ġunju li għadda saret it-tħabbira tal-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.