Titlobhom il-flus biex ikellmuha

Ħafna huma dawk il-personalitajiet li bħalissa qed jikkomunikaw minn djarhom permezz ta’ filmat jew video chats. B’hekk huma qed iżommu kuntatt mas-segwaċi tagħhom.

Illejla l-Ħamis se tkun qed tagħmel l-istess ħaġa l-attriċi Tori Spelling li ħafna żgur li jiftakru fis-sensiela Beverly Hills, 90210.

L-attriċi ta’ 46 sena qajmet ħafna interess fost is-segwaċi tagħha meta ħabbret dak li kienet se tagħmel u kienet qalet li se jkun biss 20 fans li se jkollhom din l-opportunità.

Iżda dawn l-istess fans baqgħu maħsuda meta saru ajfu li biex ikollhom aċċess għal din il-video chat ma’ Tori Spelling, bint il-producer ċelebri Aaron, kien se jkollhom iħallsu $95.

“Imissek tistħi. Ħafna nies qed imutu u int qed taħseb kif tagħmel il-flus,” kien wieħed mill-kummenti li saru lill-attriċi mill-ħafna fans diżappuntati tagħha.