Titlob lill-Ministeru għal Għawdex ikun trasparenti dwar skema għall-NGOs

L-Assoċjazzjoni tal-NGOs f’Għawdex, qed tappella lill-Ministeru għal Għawdex biex ikun trasparenti u jippubblika r-riżultati tal-Iskema ta’ Għajnuna Finanzjarji għall-NGOs, li għalqet erba’ xhur ilu.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li tinsab imħassba dwar l-iskema ta’ finanzjament għax fis-sejħa ma kienu stabbiliti l-ebda kriterji dwar kif se jiġu allokati l-fondi.
Spjegat li minkejja li ppruvat tikkomunika mal-Ministeru għal Għawdex biex tkun tista’ tgħaddi l-informazzjoni lill-membri tagħha, baqgħet ma rċeviet l-ebda tweġiba.
Ħeġġet lill-Ministeru għal Għawdex biex ikun trasparenti mas-Soċjetà Ċivili u l-NGOs f’Għawdex, għax “ilu jinħass in-nuqqas tagħha għall-aħħar sentejn.”
L-Assoċjazzjoni, li tiġbor fiha aktar minn 200 għaqda mhux governattiva, qed tistaqsi meta se jiġu ppubblikati r-riżultati, kif sar il-proċess tal-evalwazzjoni, u kemm mill-€50,000 tal-iskema ġew mogħtija.