Titlob lill-MCESD tiddiskuti jekk kull ħaddiem għandux jissieħeb f’unjin

Il-General Workers’ Union talbet lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) biex fuq l-aġenda jpoġġi għad-diskussjoni l-proposta tagħhom li kull ħaddiem f’Malta jkun jista’ jissieħeb fi trade union tal-għażla tiegħu.

Fl-ittra tiegħu liċ-Ċermen tal-MCESD John Bencini, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal li llum huwa l-mument opportun li din il-proposta tkun diskussa. Spjega li minn meta tnediet din il-proposta f’Ottubru li għadda fil-Kungress Nazzjonali Straordinarju tal-GWU, din kellha reazzjoni pożittiva mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Bugeja spjega li l-proposta hija waħda sempliċi, dik li “naħdmu biex kull ħaddiem ikun membru ta’ trade union tal-għażla tiegħu, bil-għan li pajjiżna ma’ jħalli l-ebda ħaddiem jibqa’ jkun sfruttat u diskriminat”. Saħaq li l-proposta m’għandha tħalli l-ebda impatt negattiv fuq il-kompettività tal-pajjiż speċjalment meta għandna l-akbar kumpaniji f’Malta li matul is-snin komplew jespandu l-operat tagħhom bil-kooperazzjoni sħiħa tal-unjin. Temm jgħid li “s-sħubija fi trade union tkun pass ieħor fil-qerda tal-prekarjat, l-abbuż u l-isfruttament tal-ħaddiema.”

Anki l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA), il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta (MCCEI) u l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) esprimew ruħhom favur din il-proposta.