Titlob li tiġi rtirata l-liċenzja ta’ Nemea Bank

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) se tipproponi lill-Bank Ċentrali Ewropew biex tiġi rtirata l-liċenzja mogħtija lil Nemea Bank plc.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li fis-27 ta’ April, hi kienet ħatret lil Pricewaterhouse Coopers Malta bħala persuna kompetenti biex tieħu responsabbiltà tal-assi tal-Bank u biex tassumi l-kontroll tan-negozju tal-Bank u funzjonijiet oħra kif mitlub mill-MFSA.
Spjegat li dawn kienu biss miżuri prekawzjonali li ttieħdu fid-dawl ta’ nuqqasijiet regolatorji li kienu identifikati fil-Bank u li kellhom jibqgħu f’posthom sakemm l-MFSA tagħti direttiva differenti.
Madanakollu, qalet li minkejja t-talbiet ripetuti mill-azzjonisti tal-Bank biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet regolatorji, sal-lum ebda progress tanġibbli ma ġie rreġistrat biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti regolatorji.
Għaldaqstant, l-Awtorità ddeċidiet li titlob li titneħħa l-liċenzja tal-Bank filwaqt li sakemm tingħata d-deċiżjoni finali mill-Bank Ċentrali Ewropew, qed titpoġġa b’effett immedjat projbizzjoni fuq l-irtirar ta’ depożiti biex jiġu mħarsa l-assi tal-Bank u jkun assigurat trattament ugwali tad-depożitanti.