Titlob investigazzjoni dwar €880,000 f’direct order il-ħabs

L-Oppożizzjoni se titlob lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga direct order ta’ €880,000 li ngħatat mill-Ministeru għall-Intern.
Id-direct order ingħata sabiex jinbidel il-wiring tas-sistema informatika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kkritika għall-mod kif ingħatat direct order minflok infetaħ tender.
Il-Kelliem għall-Ġustizzja qal li dan id-direct order ingħata lill-kumpanija li lanqas biss għandha esperjenza f’dan il-qasam. Żied jgħid li din il-kumpanija lanqas biss għandha website jew facebook sabiex wieħed ikun jaf dwarha.
Dr Azzopardi qal li kieku din il-kumpanija kellha tgħaddi mill-proċess ta’ tender, ma kinitx tgħaddi, minħabba li mhix eleġibbli għax għal diversi snin ma ppreżentatx id-dokumenti tal-accounts lill-MFSA.
Żied jgħid li minkejja l-Ministru għall-Intern Carmelo Abela kien qal li approvazzjoni finali tad-direct order kienet ingħatat f’Diċembru li għadda x-xogħol beda xhur qabel.
Dwar il-kumpanija mqabbda għal dan ix-xogħol, Dr Azopardi qal li l-kumpanija hija ta’ persuna li għandha l-familja miż-Żejtun, id-distret li fih il-Ministru għall-Intern jikkontesta.
Qal li kumbinazzjoni żewġ ħaddiema f’din il-kumpanija daħlu jaħdmu gwardjani tal-ħabs fl-aħħar sejħa li saret.
Id-Deputat Nazzjonalista, ikkritika wkoll għal mod ta’ kif din il-kumpanija se tingħata l-ħlas. Spjega li din il-kumpanija minflok se titħallas bil-bulk għall-materjal tagħha, se titħallas bil-metru.
Spjega li l-wajers tas-sistema informatika qed jitwaħħlu mal-ħajt minflok fil-ħajt.
Qal li din timmina s-sigurtà tal-ħabs minħabba li faċilment jistgħu jiġu mmanipulati biex jissendikaw it-telefonati u l-kontenut tal-internet.