Titlesta r-riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn

MGOZ

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Menqa f’Marsalforn – proġett ta’ madwar €1 miljun – ġie inawgurat mill-Ministru għal Ghawdex Clint Camilleri.

Ix-xogħolijiet ilhom għaddejjin minn Novembru li għadda u l-ministru ħa l-opportunità biex ifakkar ix-xogħlijiet li saru matul din is-sena.

“Nista’ nsemmi servizzi ġodda li kienu jikkonsistu f’tibdil tas-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma kif ukoll f’servizzi relatati ma’ komunikazzjoni. Wara li ngħatat il-bażi tal-konkos fuq l-istess servizzi, tpoġġa l-pavimentar bil-porfido quddiem l-istabbilimenti kollha tal-Menqa kif ukoll triq ġdida pavimentata bil-lava tiles. Barra minn hekk, saret rikostruzzjoni wkoll ta’ parti mill-ħajt tal-moll sabiex id-dgħajjes tas-sajjieda jkunu jistgħu jirmiġġaw aħjar. Dan kollu wassal issa għal żona pedonali tal-ogħla livell, sabiex nagħtu valur miżjud lil dawk kollha li jżuru l-Menqa, kemm turisti, residenti, klijenti tar-ristoranti kif ukoll is-sajjieda Għawdxin li jaċċessaw il-bastimenti tagħhom minn hawn,” spjega Camilleri.

Ix-xogħolijiet kienu wkoll kixfu l-eżistenza ta’ milestone ta’ żmien l-Ingliżi, li ġiet inkorporata fil-proġett.

Fakkar li għad hemm aktar x’isir fil-lokalita, għax issa bdiet ukoll ir-riġenerazzjoni tal-waterfront, bi spiża totali ta’ €3 miljun. Wiegħed li dan il-proġett ser jitlesta qabel is-sajf tas-sena d-dieħla.

Il-proġett se jinkludi pavimentar ġdid fi Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo kif ukoll installazzjoni ta’ dwal ġodda u ta’ street furniture. L-aċċess fil-promenade se jkun wieħed pedonali: l-unika eċċezzjoni tkun vetturi li jkollhom permess biex jagħtu servizz.

 “Se nkunu qed nirranġaw it-toroq li jagħtu għal din iż-żona, żewġ toroq li jgħaqqdu lill-bajja ta’ Marsalforn mal-bqija ta’ Għawdex. Se nibdew ir-rikostruzzjoni tat-triq li twassal mill-Belt Victoria għal Marsalforn kif ukoll it-triq li twassal mix-Xagħra lejn Marsalforn b’investiment globali iehor ta madwar €10 miljun. Dan qegħdin nagħmluh biex inkomplu ninvestu f’Għawdex kif qegħdin nagħmlu bi proġett oħra kbar madwar il-gżira, fosthom fir-Rabat, Għawdex, fejn għandna għaddejjin tliet proġetti li jammontaw għal madwar €30 miljun,” żied jgħid Camilleri.

Dan kollu, spjega l-ministru, kien rikonoxximent tal-isforzi tas-settur privat biex Marsalforn jiġi ttrasformat f’ċentru turistiku u ta’ divertiment.