Titlef il-battalja omm li rrifjutat il-kura minħabba t-tarbija fil-ġuf

Fl-Istati Uniti omm li rrifjutat il-kimoterapija biex ma tagħmilx ħsara lit-tarbija fil-ġuf, tilfet il-battalja tagħha mal-kanċer fl-aħħar jum tas-sena.
Kathy Taylor, ta’ 34 sena, kienet tqila bis-sitt wild tagħha meta nstabilha kanċer tal-ġilda.
L-uniku trattament li setgħet tieħu kien se jipperikola lit-tarbija fil-ġuf.
L-omm irrifjutat imma meta l-kanċer infirex ma’ ġisimha u l-fwied bdew sejrin lura, it-tobba ddeċidew li jwelldu lit-tarbija qabel iż-żmien.
Luke twieled f’Settembru, fl-14-il ġimgħa ta’ tqala, imma ħa l-aħħar nifs tiegħu ġimgħatejn wara.
Ir-raġel tagħha, Nathan, qal li ma jistax jemmen li l-ħajja tagħhom flimkien diġà spiċċat.
Qal li kien rieqed waqt li hi ħadet l-aħħar nifs tagħha u xħin sar jaf, ħassu ħażin.
Nathan qal li kif induna li martu kienet għalqet għajnejha għal dejjem, għannaqha miegħu. Baqa’ jiddeskriviha bħala “mara ta’ fidi kbira”.
Il-qraba u l-ħbieb ta’ Kathy baqgħu mmeraviljati kif il-mara sfidat kull tbassir tat-tobba, li meta ndunaw li kellha melanoma, kienu tawha biss ftit ġranet ħajja, imbagħad ftit ġimgħat.
Imma hi baqgħet tirreżisti sakemm welldet is-sitt tarbija tagħha, u anke hemm irnexxielha ġġebbed ftit xhur oħra.
Il-mezzi soċjali faru bil-kummenti ta’ nies li segwew mill-qrib l-istorja ta’ Kathy, b’ħafna, inkluż dawk li ma jafuhiex personalment, jibku t-telfa ta’ din l-omm li misset il-qalb ta’ ħafna.