Se jkun hawn vaċċin għal kulħadd – PM; Qed imutu n-nies kuljum – Fenech Adami

Adrian Delia preżenti l-Parlament iżda jitkellem David Agius

Robert-Abela-wearing-a-mask
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li waqt il-Kunsill Ewropew speċjali li sar fl-ewwel jumejn ta’ Ottubru, il-President tal-Kummissjoni Ursula Von der Leyen ħabbret li l-Unjoni Ewropea kienet qed tinnegozja ma’ seba’ kumpaniji farmaċewtiċi biex jiżviluppaw il-vaċċin. 

Il-Prim Ministru qal li ma’ żewġ kumpaniji minnhom, l-Unjoni Ewropea għandha kuntratt għal 2 miljun vaċċin, u b’300 miljun vaċċin b’kollox.

Dr Abela appella biex is-sitwazzjoni tal-Covid-19 ma tkunx politiċizzata u serraħ moħħ in-nies li Malta se jkollha 330,00 vaċċin u wara se jkun hemm għall-popolazzjoni kollha, filwaqt li stqarr li l-vaċċin mhux se jkun obbligatorju.

Abela qal li l-Kunsill Ewropew speċjali kellu jsir fl-24 ta’ Settembru iżda ġie pospost wara li l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel għamel ġimgħa iżolat hekk kif uffiċjal tas-sigurtà tal-President irriżulta pożittiv għall-Covid-19. Abela qal li dan il-membru tas-Sigurtà ma kienx ivvaġġja mal-President meta kien ġie Malta.

Fit-tmiem l-istqarrija tal-Prim Ministru kien David Agius, bħala aġent Kap tal-Oppożizzjoni li tkellem f’isem l-Oppożizzjoni. 

Filwaqt li Adrian Delia kien preżenti fil-Parlament, kien Agius li staqsa lill-Prim Ministru dwar id-diskussjonijiet li kellu mas-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark T.Esper dwar il-SOFA (Status of Forces Agreement). 

“Sitwazzjoni traġika, qed imutu n-nies kuljum” – Fenech Adami

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru hu konxju mill-katastrofi fit-turiżmu, liema sitwazzjoni wasslet wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha wara l-ewwel mewġa tal-coronavirus. Huwa qal li dan wassal biex is-sitwazzjoni ħarbet minn idejn il-Gvern u saret traġika.

Delia u Grech ibbenefikaw minn nuqqasijiet irrimarkati mill-Moneyval – PM

Abela qal li l-gvern ma ffirma l-ebda ftehim SOFA u ċaħad l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li l-SOFA kien marbut mar-rapport tal-Moneyval. 

Huwa qal li wieħed min-nuqqasijiet li jinsabu fir-rapport tal-Moneyval kien li l-Kummissarju tat-Taxxa qed jidħol fi ftehim ma’ min jaqa’ lura fil-ħlasijiet tat-taxxa minflok jieħu passi kontrihom. Huwa qal li minn din il-prassi bbenefikaw kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kif ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.