Titkellmux max-Xitan anzi żommu bogħod minnu

“Ix-Xitan hu giddieb kbir. Tkellmuhx u anqas tersqu qribu. Jipprova jwaqqagħkom u bħal kelb irrabjat marbut, jigdimkom jekk tippruvaw tmellsuh”. Din it-twissija għamilha l-Papa Franġisku waqt omelija fil-kappella Santa Marta.
Il-Papa fakkar li biex niġġieldu u nirbħu t-tentazzjonijiet irridu nkunu għassa, nitolbu u nsumu.  Irridu nkunu attenti għax-Xitan għax jaf kif jirbaħna billi jmiss il-kurżità u l-vanità tagħna u naqgħu għat-tentazzjoni u jkollna telfa kbira u perikoluża.
“Ix-Xitan kapaċi jisseduċina, jaf xi kliem għandu juża u dan hu perikoluż għax aħna nħobbu l-fsied. Hu kapaċi jwaqqagħna. Hu jippreżenta ruħu b’saħħa kbira, iwiegħed ħafna affarijiet, joffrilna rigali sbieħ u mgeżwra sew iżda int ma tkunx taf x’hemm ġewwa. Il-kartolina tkun sabiħa. Id-dawl tiegħu jgħammex imma wara ftit jisparixxi”, żied jgħid il-Papa.
“Ix-Xitan hu perikoluż ħafna”, ammetta l-Papa “imma l-proposti tiegħu huma kollha gideb u aħna l-ħmir, nemmnuh”. Ix-Xitan hu giddieb kbir, missier il-gidba, jaf jitkellem u kapaċi jkun konvinċenti ħafna.
Ix-Xitan hu tellief imma jagħmilha tar-rebbieħ. Id-dawl tiegħu bħal ġigġifogu imma jispiċċa f’duħħan filwaqt li d-dawl ta’ Kristu hu baxx imma jibqa’ jixgħel għal dejjem.
“Għalhekk, lix-Xitan tkellmuhx”, widdeb il-Papa.
Noqogħdu attenti biex ma niddjalogawx max-Xitan kif għamlet Eva. Ġesù ma ddjalogax miegħu fid-deżert, imma wieġbu bil-Kelma t’Alla. “Max-Xitan ma nitkellmux għax jirbħilna għax hu aktar makkak minna”, appella l-Papa Franġisku.
Ix-Xitan jibdel lilu nnifsu. “Hu priġunier ikkundannat, tellief, marbut bil-ktajjen u wasal biex imut, imma fl-istess kapaċi jwettaq massakru. Għalhekk irridu nitolbu u nagħmlu l-penitenza, ma nersqux lejh u ma nkellmuhx.
U fl-aħħar għandna mmorru għand ommna, bħat-tfal.  Meta t-tfal ikunu mbeżża’ jmmorru għand ommhom, anke meta joħolmu jmorru għand ommhom.
“Morru għand il-Madonna; hi tħarisna. U Missirijiet il-Knisja, speċjalment il-mistiċi Russi jgħidu: f’mumenti ta’ taqlib spiritwali, fittxu kenn taħt il-mant ta’ Omm Alla. Hi tgħinna f’din il-ġlieda kontra t-tellief, il-kelb il-marbut, ix-Xitan, u nirbħulu”, temm jgħid il-Papa.